Il-Gvern se jkompli jmexxi b’politika li tgħin lin-nies u mhux se jmur għall-awsterità, iżda se jkompli jinvesti u jkun ta’ sostenn għan-nies.
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru u mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, f’intervista l-Ħadd filgħodu fuq ONE Radio.
Mistoqsi dwar ir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea b’rabta mas-sussidji fuq il-prezz tal-enerġija, il-Prim Ministru spjega kif is-sostenn fl-enerġija huwa kruċjali biex il-pajjiż jibqa’ miexi ’l quddiem ekonomikament, u spjega kif il-Gvern għandu pjan li jniżżel id-defiċit.
“Il-pjan ta’ kif se nnaqqsu d-defiċit tagħna huwa wieħed ċar, spjegat lill-Kummissjoni, ninsabu on target fl-implimentazzjoni tiegħu, jiġifieri li d-defiċit jitnaqqas b’żero punt ħamsa fil-mija fis-sena, bl-istess waqt għandna pjan fil-qasam tal-enerġija, jiġifieri hemmhekk ukoll bl-introduzzjoni ta’ dan il-pjan se nkunu qed nindirizzaw dawn l-isfidi li għandna.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru qal kif l-analiżi li saret mill-Kummissjoni Ewropea turi kif dan il-Gvern għażel li jgħin lin-nies, iżda mhux biss, għaliex il-Gvern għandu pjan sħiħ fis-settur tal-enerġija.
Huwa assigura li mhux se jkun hemm xokkijiet ekonomiċi, għall-kuntrarju li ġie rrakkomandat mill-Partit Nazzjonalista, hekk kif id-defiċit se jkompli jonqos, iżda b’miżuri xierqa u mhux t’awsterità, permezz ta’ budget pożittiv.
“Id-defiċit se nkunu nistgħu nnaqqsuh b’dan il-mod gradwali bi qbil mal-Kummissjoni wkoll mingħajr ma nagħtu xokkijiet ekonomiċi. Mingħajr ma nagħtu xokkijiet, kif qalilna nagħmlu l-Partit Nazzjonalista li nħallu s-suq internazzjonali jiddetta dak lokali. Dik tkun miżura li biha nġibu tbatijiet lill-familji tagħna, lin-negozji, lis-self employed, lill-pensjonanti, lil min iħaddem u aktar minn hekk ir-riżultat ikun kontro-produttiv jiġifieri li tagħti xokk ekonomiku b’mod li l-ekonomija tibda tiċkien u jkollok effett li jagħmel ħsara kbira.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-messaġġ li wassal il-poplu fl-aħħar elezzjonijiet, fejn għaraf u apprezza l-mixja ekonomika ta’ pajjiżna iżda wera prijoritajiet oħrajn, lil hinn mit-tkabbir ekonomiku u t-tkattir tal-ġid.
Spjega kif huwa importanti li l-Gvern jiffoka mhux biss fuq kemm kibret l-ekonomija u ż-żieda fl-impjiegi, imma wkoll il-progress, it-titjib u l-kwalità rispettivament.
il-Prim Ministru Robert Abela
“Il-legat issa ta’ x’soċjetà ser inkunu qed niffurmaw fl-għaxar snin li ġejjin. Il-legat ta’ soċjetà li tagħfas aktar lejn il-valuri.”
Dwar is-settur tax-xogħol, il-Prim Ministru saħaq fuq tliet aspetti, fosthom li tkompli tissaħħaħ il-produttivitá u l-ħiliet tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin permezz ta’ inċentivi għall-kumpaniji.
B’hekk, ikompli jissaħħaħ is-suq tax-xogħol u jinħolqu aktar xogħlijiet ta’ kwalità.
il-Prim Ministru Robert Abela
“Insaħħu t-taħriġ tagħhom kemm training fl-informattivi, reskilling, upskilling u dan biex niżguraw li l-aqwa opportunitajiet jaħtfuhom kollha l-ħaddiema Maltin u Għawdxin.”
Il-Prim Ministru spjega kif wieħed irid jagħraf il-bżonn ta’ ħaddiema ta’ kwalità li qed jiġu f’pajjiżna wkoll għall-ħtiġijiet li għandu l-pajjiż; analiżi li saħaq li trid issir paripassu ma’ analiżi oħra profonda tal-ħiliet tal-ħaddiema Għawdxin u Maltin.