Malta kienet iċ-ċentru ta’ konferenza tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE, fejn l-Istati Membri fi ħdan din l-organizzazzjoni ġew f’pajjiżna f’delegazzjonijiet sabiex jiddiskutu s-sigurtà f’perjodu ta’ tibdil fil-klima globali.
Kull stat minn madwar id-dinja qed jersperjenza kundizzjonijiet ambjentali rari, u, f’ċertu każijiet, estremi, li qed jitfgħu s-sigurtà tal-poplu f’riskju.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u ċ-Chair-In-Office tal-OSCE, Ian Borg fakkar kif Malta kienet waħda mill-ewwel pajjiżi li qajmet kuxjenza politika ambjentali lura fl-1988, u din hi xi ħaġa li bħala pajjiż se titkompla fis-snin li ġejjin.
“Din l-organizzazzjoni li għandha tajjeb huwa li tħares lejn is-sigurtà b’mod komprensiv. Il-fatt li qbilna biex niġu niddiskutu hawnhekk f’Malta u t-tmexxija Maltija qiegħda tressaq ’il quddiem inizjattivi bħal dik li tħarreġ żgħażagħ esperti biex kull pajjiż ikollu allura n-nies li jagħtuh soluzzjonijiet tekniċi, anke għax iż-żmien qiegħed kontrina, naħseb li qed tinżel tajjeb mal-parteċipanti u nħarsu ’l quddiem issa fuq l-implimentazzjoni.”
Fid-diskors tagħha, il-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija, Miriam Dalli, sostniet kemm il-kriżi fil-klima qed tkun ta’ sfida għall-pajjiżi kollha, u żiedet li l-konferenza hi l-opportunità perfetta biex l-organizzazzjoni tilħaq l-għanijiet ambjentali.
“Li pajjiżna jieħu rwol primarju – rwol ewlieni – biex jimbotta ’l quddiem il-ħtieġa ta’ azzjoni klimatika ħalli nkunu qegħdin nindirizzaw tibdil fil-klima fejn inti għandek 57 pajjiż differenti li jiġu flimkien mal-pjattaforma tal-OSCE, huwa importanti ħafna għaliex b’dak il-mod tkun qed iġġib din il-kollaborazzjoni u l-koperazzjoni reġjonali fejn kull pajjiż jista’ ikun qed iħares lejn l-aspett ta’ mitigazzjoni u anki addattament għat-tibdil fil-klima ħalli verament ikun hemm imbuttatura komuni mill-pajjiżi kollha kemm huma.”
Is-Segretarju Ġenerali tal-OSCE, Helga Maria Schmid irringrazzjat lil Malta tal-mod kif ospitat din il-konferenza u enfasizzat fuq il-messaġġi tal-Ministri Maltin fuq l-importanza li nissalvagwardjaw il-klima u l-ambjent.