Biċċier Għawdxi ta’ sebgħa u sittin sena mix-Xagħra qed ikun investigat b’rabta ma’ kummenti fuq il-midja soċjali, fejn ġie akkużat li qatel klieb u qtates biex mil-laħam tagħhom, jagħmel u jbigħ iz-zalzett tal-Malti fil-ħanut tiegħu.
Fil-fatt jirriżulta li l-Ġimgħa waranofsinhar, uffiċjali mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika u l-Animal Welfare, assistiti mill-Pulizija, kienu fil-ħanut u fir-razzett tar-raġel biex iwettqu l-investigazzjonijiet b’rabta ma’ dan il-każ.
L-allegazzjonijiet bdew numru ta’ ġimgħat ilu, iżda kumment li sar fuq Facebook il-Ġimgħa filgħodu, reġa’ qajjem il-każ.
Fil-fatt, f’post fuq Facebook il-Ġimgħa filgħodu ġie allegat li r-raġel kien qed joqtol il-klieb u l-qtates li jkunu ma jifilħux biex jagħmel u jbigħ iz-zalzett tal-Malti fil-ħanut tiegħu.
Fost il-mijiet ta’ kummenti fuq din il-post, kien hemm min kiteb li ddaħħlu xi nies l-isptar b’food poisoning wara li kielu xi laħam mill-ħanut tal-imsemmi biċċier.
Malli bdiet tiċċirkola din il-kitba fuq il-midja soċjali, ONE News staqsa lill-Pulizija dwarha, u f’risposta uffiċjali, ġie kkonfermat li sa dak il-ħin, jiġifieri l-Ġimgħa filgħodu, il-Pulizija ma kienet rċeviet l-ebda rapport dwar il-każ.
Fl-istess tweġiba ntqal li l-Pulizija ma kinitx imsejħa biex tassisti lil xi entità f’xi investigazzjoni b’rabta ma’ dan il-każ.
Sorsi viċin ONE News qalu li ġimgħat ilu, meta bdiet tinxtered l-aħbar, kienu ntbagħtu xi spetturi fuq il-post, iżda rriżulta li l-ħanut kien ilu magħluq għal diversi xhur.
F’każi bħal dawn, huwa d-Dipartiment tas-Sanità li jkun mitlub l-ewwel biex jinvestiga, qabel ma jiġu infurmati l-Pulizija.
Sadanittant, fl-istess jum fuq Facebook, l-Assoċjazzjoni għall-Annimali Abbandunati kitbet li din mhix storja fittizja u hija fil-fatt verità. Kitbet li l-klieb u l-qtates intużaw biex isiru z-zlazet f’Għawdex, u kien hemm xi nies li ddaħħlu l-isptar.
Jidher li wara li żdiedu sew il-kummenti u l-allegazzjonijiet marbuta ma’ dan il-każ, saru rapporti li kien hemm xi nies li ddaħħlu l-isptar wara li kienu kielu l-laħam tal-biċċier inkwistjoni, u kien hawnhekk li bdiet l-investigazzjoni fil-konfront tar-raġel u fir-razzett tiegħu fix-Xagħra, Għawdex, mill-uffiċjali tal-Animal Welfare u tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, li qed ikunu assistiti mill-Pulizija.