Il-Kunsilliera eletti f’isem il-Partit Laburista se jagħtu l-appoġġ tagħhom għan-nomina ta’ Steve Zammit Lupi, Kunsillier Indipendenti, biex iservi bħala Sindku fil-lokal ta’ Ħaż-Żebbuġ għall-ħames snin li ġejjin.
Dan intqal fi stqarrija tal-Partit Laburista, fejn ġie spjegat li dan il-ftehim intlaħaq wara diskussjonijiet li poġġew fuq quddiem l-interess tal-lokal, fejn ġie anke miftiehem li l-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista għal-lokal, flimkien mal-programm ta’ Zammit Lupi, se iservu bħala l-programm ta’ ħidma tul il-leġiżlatura għall-Kunsill Lokali.
Ġie miftiehem ukoll li Joseph Agius, il-Kunsillier elett f’isem il-Partit Laburista bl-akbar ammont ta’ voti, se jservi bħala Viċi-Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ għall-ħames snin li ġejjin.
Fl-istqarrija, il-Partit Laburista jawgura lill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ fil-ħidma tiegħu b’risq il-komunità u r-residenti tal-lokal.