Heritage Malta ħabbret il-bidu ta’ proġett ta’ restawr ta’ sentejn fuq l-arazzi tal-Palazz tal-Gran Mastru fil-Belt Valletta.
L-arazzi ikoniċi ilhom isebbħu s-Sala tal-Arazzi għal aktar minn tliet sekli, u se jiġu rrestawrati fil-Belġju.
Dawn l-arazzi juru xeni eżotiċi ta’ flora u fawna minn artijiet ġodda li kienu ġew skoperti sekli ilu, u ilhom jinżammu b’għożża fil-Palazz tal-Belt sa mill-elf seba’ mija u għaxra.
L-għaxar arazzi, li jiżnu mal-erbgħin kilo kull waħda, flimkien ma’ sitt pannelli tat-twieqi u pannell ta’ mal-bieb, tneħħew b’reqqa kbira mill-Palazz u ttieħdu lejn il-Belġju x-xahar li għadda.
Il-proċess ta’ konservazzjoni se jinkludi t-tneħħija ta’ inforra antika, tindif fil-fond bl-użu ta’ tekniki ta’ vakum u aerosol biex jiġi evitat li l-kuluri jerħu, u t-tisħiħ tal-partijiet dgħajfa tal-ħarir b’materjali miżbugħa biex jaqblu perfettament.
Dwar l-ewwel fażi tal-proġett ta’ restawr, tkellmet il-Kap tal-Konservazzjoni tal-kumpanija Belġjana li se tieħu ħsieb il-proċess.
“We’re going to remove the old lining so it means the old lining on the back side of the tapestries so we can really analyze the state of the back side of the tapestries and we can really document the fragile areas in all the tapestries, then we’ll do a vacuum cleaning of the front and reverse sides and that’s in preparation of the wet cleaning of the tapestries.”
Sakemm l-arazzi mhumiex fil-Palazz, Heritage Malta se tirrestawra s-Sala tal-Arazzi nnifisha, fosthom is-saqaf, l-affresk, l-art u t-travi.
Dwar dan ir-restawr spjega aktar il-kuratur anzjan, Emmanuel Magro Conti.
“Dan l-injam li għandna warajna se jiġi mneħħi kollu kemm hu kif ukoll imbagħad restawr tal-aperturi, trid tinqala’ l-art għax l-art ħa tiżżarma kollha għaliex irridu nsewwu t-travi li hemm taħt.”
Il-Kap tal-Operat ta’ Heritage Malta, Kenneth Gambin, qal li l-arazzi mistennija jkunu lura Malta sa nofs l-elfejn u sitta u għoxrin, meta jerġgħu jiddendlu fid-dar restawrata tagħhom.
“Issa beda x-xogħol biex it-tapestries neħduhom fil-kumpanija li kienet għamlithom il-Belġju madwar tliet mitt sena ilu u nisperaw li madwar sentejn oħra nerġgħu npoġġuhom f’posthom irrestawrati.”