Bħalissa għaddej ix-xogħol fuq il-Pjan Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima ta’ Malta għal din is-sena, li se jistabilixxi t-triq li l-pajjiż irid jieħu fit-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar dekarbonizzata fis-setturi kollha filwaqt li jirrifletti r-realtajiet u l-isfidi li pajjiżna għandu bħala gżira.
Dan ħareġ waqt laqgħa ma’ delegazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea, fejn il-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija, Miriam Dalli spjegat fid-dettall il-pjan tal-Ministeru f’din it-tranżizzjoni lejn ekonomija ħadra; billi l-pajjiż jibqa’ jinvesti f’sorsi tal-enerġija nodfa u jkompli jappoġġja miżuri li jiffavorixxu politika dwar il-klima.
Fil-fatt id-delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea għaddejja b’sensiela ta’ laqgħat dwar l-enerġija u l-klima ma’ diversi pajjiżi inkluż Malta.
Id-delegazzjoni mmexxija minn Matthew Baldwin, f’Malta kellha numru ta’ laqgħat ma’ stakeholders mis-settur pubbliku sabiex jiddiskutu l-miri klimatiċi għall-2040.
“We are going back to Brussels super encouraged by the response we have had from the minister about the ambition and determination in which Malta is approaching the national energy and climate planning. These plans are really great news for member states as a sort of implimantation and investment handbook and we hear positive things as Malta works to its next iteration of these plans.”
Il-Ministru għall-Enerġija ħeġġet lill-Kummissjoni Ewropea biex tinkludi soluzzjonijiet imfassla biex tiżgura li l-ispiża tat-teknoloġija tad-dekarbonizzazzjoni titqassam b’mod ekwu, partikolarment għal dawk l-Istati Membri li huma favur din it-teknoloġija.
“Flimkien tkellimna l-opportunitajiet però wkoll dwar l-isfidi li jeżistu ħalli naraw l-aħjar triq ‘il quddiem biex inkunu qegħdin naċċertaw ruħna li nieħdu dawk l-opportunitajiet li jeżistu però fl-istess ħin naraw li nkunu qegħdin nindirizzaw l-isfidi li jeżistu wkoll.”