Hekk kif waslet fi tmiemha s-seba’ edizzjoni tal-Qaritona Nazzjonali, jirriżulta li din is-sena ħadu sehem fiha sebgħa u għoxrin skola tal-primarja, u sebat elef u tliet mitt student.
Il-Qaritona Nazzjonali għandha l-għan li tħeġġeġ l-imħabba għall-qari, tippromwovi l-litteriżmu u tnissel valuri ta’ solidarjetà u ġustizzja soċjali fost it-tfal. Id-dħul minn din l-inizjattiva jmur biex jinxtara apparat u jappoġġja grupp ieħor ta’ tfal fil-bżonn.
Il-Qaritona Nazzjonali ssir b’kollaborazzjoni mal-Malta Trust Foundation, u ċ-Chairperson tagħha, il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca qalet li b’din l-inizjattiva, eluf ta’ tfal qed isiru konxji li l-qari mhux biss huwa neċessarju għall-iżvilupp intelletwali, imma wkoll divertenti.
“Nistgħu ngħidu li matul dawn it-tmien snin, eluf kbar ta’ tfal ħeġġiġnihom biex jaqraw u nistgħu ngħidu wkoll li llum qed naraw ir-riżultati. Anki l-istess ktieb li ntagħżel din is-sena mill-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu u l-Fondazzjonijiet kienu proprju ktieb miktub minn żagħżugħ u nqeleb għall-Malti minn żagħżugħa, jiġifieri dawn huma tfal li kienu parti mill-Qaritona Nazzjonali imma llum huma fil-fatt awturi anki ta’ kotba.”
Marie-Louise Coleiro Preca – Chairperson, Malta Trust Foundation
Fiċ-ċelebrazzjoni tal-għeluq tal-Qaritona Nazzjonali, li saret fl-iskola primarja tal-Mosta, il-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima tkellem dwar din l-inizjattiva fil-kuntest tal-Istrateġija nazzjonali tal-edukazzjoni, li tħares lejn it-tisħiħ tal-proċessi edukattivi ta’ kull tifel u tifla.
“Dawn it-tip ta’ inizjattivi juru x’inhi l-viżjoni tagħna, u għandhom riżultat ċar ħafna li permezz tiegħu t-tfal ikollhom l-opportunità li jkollhom ktieb f’idejhom u jitgħallmu minnu, fuq kollox it-tfal tagħna jkollhom l-opportunità li jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom.”
Clifton Grima – Ministru
Minn kemm ilha ssir il-Qaritona Nazzjonali, ipparteċipaw kważi ħamsa u għoxrin elf student u studenta.