Rapport tal-Kummissjoni Ewropea nnota l-għajnuna kbira li qed jagħti l-Gvern fis-sussidju tal-enerġija u qal li din għandha tonqos flimkien mar-rimarki dwar is-saħħa tal-ekonomija Maltija, li fi kliem il-Kummissjoni Ewropea, din qed tmur aħjar minn dik ta’ Stati Membri oħra għal dawn is-sentejn, jiġifieri din is-sena u s-sena d-dieħla.
Fil-fatt fi stqarrija, il-Gvern innota dak li qalet il-Kummissjoni Ewropea anki fuq is-settur tax-xogħol li għandu andament tajjeb bi tkabbir fil-ħolqien tax-xogħol li jiżboq il-medja Ewropea.
Dan flimkien ma’ tnaqqis fl-inflazzjoni fejn sas-sena d-dieħla, ir-rata tal-għoli tal-ħajja mistennija tonqos bin-nofs.
Fuq dawn ir-rimarki tal-Kummissjoni Ewropea, il-Gvern qal li l-miżuri li jagħtu stabbiltà fuq prodotti essenzjali tal-ikel qed iħallu l-frott.
Il-Gvern qal li dwar miri fiskali li semmiet il-Kummissjoni Ewropea dwar il-ħtieġa ta’ tnaqqis fid-defiċit, li hu marbut direttament mas-sussidju qawwi li qed jagħti l-Gvern fil-qasam tal-enerġija lill-familji u n-negozji, Malta hi kommessa li tkompli tnaqqas id-defiċit ikkumparat mar-rata tat-tkabbir ekonomiku li qed jibqa’ jesperjenza pajjiżna.
Fil-fatt il-Gvern Malti qal li r-rata tad-defiċit se tkompli tonqos b’nofs perċentwal kull sena biex ikun konformi mal-kriterji Ewropej, jiġifieri taħt it-3% sa erba’ snin oħra.
Il-Kummissjoni Ewropea wissiet bi proċedura marbuta ma’ defiċit li jkompli jiżdied u talbet biex jonqos is-sussidju mal-enerġija, xi ħaġa li dwar is-sussidju, il-Gvern baqa’ sod u jsostni li dan għandu jibqa’ joffri stabbiltà iżda b’miri li d-defiċit ikompli jonqos.
Il-Gvern innota rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea fir-rapport tagħha fuq kull Stat Membru fosthom dwar il-ħtieġa ta’ diversifikazzjoni fil-qasam tal-enerġija u l-ħtieġa li pajjiżna jkompli jżid l-enerġija nadifa u jnaqqas id-dipendenza mill-konsum tradizzjonali fl-enerġija.
Qal li pajjiżna jibqa’ impenjat li jimplimenta l-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza approvat mill-Unjoni Ewropea, li l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen kienet iddeskriviet il-Pjan Malti bħala l-aktar wieħed ambjentali minn dawk imressqa mill-Gvenijiet kollha tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Fil-fatt dan il-Pjan jindirizza l-qalbiet il-ġodda, dawk diġitali u ambjentali fejn il-Gvern diġà ħareġ erba’ sejħiet għal investiment f’sistemi kbar ta’ enerġija rinovabbli u sejħa oħra għal investiment f’sistema ta’ enerġija rinovabbli li kapaċi tiġġenera aktar minn 1,000kW.
Ma’ dawn l-inizjattivi, il-Gvern qed jaħdem fuq il-proġett tat-tieni interconnector bejn Malta u Sqallija, li għandu jkun lest sa sentejn oħra.
Ir-rapport ħares ukoll lejn is-settur edukattivi u t-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema f’Malta fejn il-Gvern qal li se jkompli jagħmel żvilupp ’il quddiem f’dan ir-rigward permezz tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni li għadu kif nieda u li għandha l-għan li l-istudenti jilħqu l-potenzjal kollu tagħhom f’kuntest ta’ dinja li qed tkompli tevolvi u jeħtieġ li l-istudenti jkun imħarrġa għas-settur emerġenti.
Dwar l-infrastruttura fit-toroq u t-trasport, il-Gvern innota inizjattivi li ttieħdu fosthom favur trasport bil-baħar u t-trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd permezz tat-tallinja card.
Qal li l-Kummissjoni Ewropea nnutat ukoll rkupru qawwi fit-turiżmu tant li f’dan is-settur pajjiżna issa qed jikseb riżultati aħjar minn ta’ qabel il-pandemija.
B’rabta ma’ dan ir-rapport, il-Gvern temm jgħid li se jibqa’ impenjat li jindirizza l-isfidi kurrenti permezz ta’ politika effettiva li timplimenta u li tieħu d-deċiżjonijiet.