Għal xahar ieħor, ir-rata ta’ inflazzjoni f’Malta naqqset. Dan ġie kkonfermat minn ċifri tal-Eurostat, l-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea.
Dan hekk kif fix-xahar ta’ Mejju, ir-rata ta’ inflazzjoni kienet ta’ 2.3 fil-mija.
Ir-rata ta’ inflazzjoni f’Malta hi inqas mill-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, li hi ta’ 2.6 fil-mija.
Minn dawn iċ-ċifri tal-Eurostat joħroġ ukoll kif ir-rata ta’ inflazzjoni f’pajjiżna naqqset sew minn Jannar li għadda, ix-xahar qabel daħħlet fis-seħħ l-inizjattiva ‘Stabbiltà’. Dan meta f’Jannar li għadda, ir-rata ta’ inflazzjoni kienet ta’ tlieta punt sebgħa fil-mija. B’dan ifisser li f’temp ta’ erba’ xhur, l-inflazzjoni niżlet b’wieħed punt erbgħa fil-mija.
L-inizjattiva ‘Stabbiltà’ daħlet fis-seħħ fil-bidu ta’ Frar li għadda, hekk kif sar it-tielet patt soċjali bejn il-Gvern, l-importaturi u l-bejjiegħa tal-merċa.
Dan wassal biex il-prezz ta’ aktar minn erba’ mija u ħamsin prodott minn ħmistax-il kategorija ta’ ikel essenzjali naqsu bi ħmistax fil-mija u se jibqgħu stabbli sa mill-inqas il-baġit li ġej.
L-effettività ta’ din l-inizjattiva tidher ukoll meta tqabbel ir-rata tax-xahar li għadda, mal-istess xahar is-sena l-oħra. Dan hekk kif sena ilu, ir-rata tal-inflazzjoni kienet ta’ 6.3%, waqt li issa niżlet għal 2.3%, tnaqqis ta’ erbgħa fil-mija.
Din it-tnaqqis qawwi fl-inflazzjoni seħħ ukoll hekk kif il-Gvern, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, żamm, fost l-oħrajn, il-prezzijiet tal-enerġija u l-fuels stabbli u m’għolewx kemm għall-familji kif ukoll għan-negozji.
Dan bil-maqlub ta’ għadd ta’ pajjiżi oħrajn fl-Unjoni Ewropea, fejn, fl-aħħar sentejn, il-piżijiet fuq il-popli tagħhom splodew b’riżultat tal-Gwerra fl-Ukrajna.