“But, there is no agreement tonight, at this stage.”
Il-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel
Dan kien kliem il-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel wara s-Summit informali tal-Kunsill Ewropew, hekk kif il-mexxejja Ewropej ma qablux dwar l-ogħla karigi tal-Unjoni Ewropea għall-ħames snin li ġejjin.
Differenti minn dak mistenni, il-mexxejja Ewropej ma qablux li Ursula von der Leyen għandha tingħata t-terminu għat-tieni darba bħala President tal-Kummissjoni Ewropea. Dan minkejja li Von der Leyen kellha s-sapport mill-President Franċiż Emmanuel Macron u mill-Kanċillier Ġermaniż Olaf Scholz.
Dwar dan irrapporta s-sit awtorevoli Politico, fejn intqal li n-negozjaturi qablu dwar tliet ismijiet, bil-mexxejja se jkomplu bid-diskussjonijiet fis-Summit tal-Kunsill Ewropew il-ġimgħa d-dieħla.
Il-mexxejja Ewropew iridu jiddiskutu n-nomina għall-President tal-Kummissjoni Ewropea, għall-President tal-Kunsill Ewropew u għar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà.
Dan il-qbil ma seħħx, minkejja li rapporti qabel dan is-Summit indikaw li kien hemm kunsens li Ursula von der Leyen se terġa’ tkun President tal-Kummissjoni Ewropea, l-eks Prim Ministru Portugiz Antonio Costa se jkun il-President tal-Kunsill Ewropew, waqt li l-Prim Ministru tal-Estonja Kaja Kallas se tkun ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni.
Fl-aħħar ġimgħat, bosta mexxejja Ewropej insistew dwar il-kontinwità fit-tmexxija tal-Unjoni Ewropea, minħabba l-gwerra fl-Ukrajna u r-ritorn potenzjali ta’ Donald Trump fix-xena politika.
B’din l-aħbar li m’hemmx qbil dwar isem Von der Leyen għall-President tal-Kummissjoni Ewropea tat daqqa ta’ ħarta sew lil Manfred Weber u l-Partit Popolari Ewropew. Dan hekk kif f’rapport ieħor tas-sit awtorevoli Politico ntqal li dan il-partit Ewropew irid li jkollu f’idejh tliet karigi minn erbgħa.
Dan hekk kif flok Charles Michel, li spiċċalu t-terminu, l-EPP irid li sentejn u nofs ikunu f’idejh u s-sentejn u nofs l-oħra f’idejn is-Soċjalisti. L-EPP irid ukoll li Roberta Metsola tagħmel terminu ieħor ta’ sentejn u nofs bħala President tal-Parlament Ewropew u von der Leyen tagħmel ħames snin oħra bħala President tal-Kummissjoni Ewropea.