Il-provvista tal-elettriku treġġgħet lura għan-normal fi żmien siegħa, fil-postijiet li l-Ħadd filgħaxija kienu affettwati minn qtugħ ta’ dawl.
Fi stqarrija, il-kumpanija Enemalta qalet li l-qtugħ fil-provvista seħħ minħabba ħsara f’tagħmir f’Delimara, waqt xogħol ta’ manutenzjoni.
Sigħat biss wara dan l-inċident, ONE News tkellem maċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemalta, l-Inġinier Ryan Fava.
“Is-sitwazzjoni li kellna lbieraħ ġrat billi li bħalissa, bħal fuq kull impjant li għandha l-Enemalta u anke mill-aspett ta’ ġenerazzjoni, issir il-manutenzjoni li hi importanti ħafna sabiex naraw li l-apparat ikun b’saħħtu u jopera meta verament ikollna bżonnhom.”
Iċ-Chairman kompla jispjega f’aktar dettall x’wassal għall-qtugħ tad-dawl il-Ħadd filgħaxija.
“Ix-xogħol li kien bħalissa għaddej ġewwa l-Magħtab fuq l-interconnector kien li waqt maintenance rriżulta li kellna switchgear – li qed ngħidu bħal meta għandek fuse tad-dar, l-MCB tad-dar, illi inti tkun qed tixegħlu meta jkun għaddej il-kurrent; u ġaladarba jekk dak il-kurrent ma jibdiex iżommlok, dak l-MCB, inti ma jkollokx dawl – u xogħlu dan hu dan il-breaker; dan il-breaker rajna li ma kienx qed jiffunzjona tajjeb, u issa kien il-mument li kien iż-żmien opportun sabiex inbiddlu dan il-fuse – dan il-breaker.”
L-Inġinier Fava sostna li kieku l-iswitchgear ma nbidilx, kien iwassal għal aktar problemi frekwenti fil-provvista.
“X’inhu r-riżultat li kieku dan ma nbiddluhx? Kieku dan ma nbiddluhx, inti jkollok l-interconnector li jkun qed jagħti l-kurrent, jittrippja dan il-breaker, u ma tkunx litteralment tista’ ddaħħlu lura; bħal meta inti għandek l-MCB tad-dar u tgħid: “din kif ma tridx iżomm?”, u tibqa’ bla kurrent. Jiġifieri kien vitali illi dan ix-xogħol seta’ jsir.”
Fil-kuntest tat-tħassib ta’ bosta li s-sajf li għadda esperjenzaw xi qtugħ ta’ dawl, l-Inġinier spjegalna li l-qtugħ fil-provvista tal-Ħadd, ma kellux x’jaqsam ma’ dak li ġara s-sena l-oħra.
“Definittivament din m’għandha x’taqsam xejn ma’ cables, la fault. Li kieku kellna fault jew kienet sitwazzjoni maġġuri, ma konniex ħa nixegħlu f’inqas minn siegħa, jiġifieri dak li ġara, tajjeb li ngħid, u grazzi għat-teknoloġija wkoll li għandna ġewwa l-kumpanija, stajna b’tali mod u manjiera li l-inġiniera u t-tekniċi, intervejnew biex fi żmien siegħa, kulħadd reġa’ kellu l-kurrent lura għan-normal, imma din ma kinitx xi ħaġa li kienet relatat ma’ xi load jew xi fault fil-cables, xejn minn dan.”
Iċ-Chairman temm jgħid li grazzi għax-xogħol estensiv minn Enemalta u entitajiet oħra, fosthom Infrastructure Malta u Transport Malta, sar xogħol li għandu jippreveni qtugħ frekwenti fil-provvista tad-dawl.