Il-Maġistrat Leonard Caruana ċaħad milli jirrikuża ruħu mill-każ dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet wara l-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella, li damet erba’ snin u nofs biex tlestiet.
Dan hekk kif it-Tnejn bdiet mill-ġdid il-kawża kontra Chris Fearne, Edward Scicluna u għadd ta’ persuni oħrajn, b’rabta mal-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella.
Din bdiet mill-ġdid wara li l-ewwel seduta ġiet annullata għax wieħed mill-akkużati ma kienx innotifikat kif suppost.
Fil-bidu tas-seduta ntqal li ftit tal-jiem ilu daħal rikors għan-nom ta’ DF Advoctes.
Sar l-eżami fil-konfront ta’ Jean Carl Farrugia, Kenneth Deguara u Kevin Deguara, li baqgħu siekta – li jfisser li qed iwieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.
Il-Prosekuzzjoni ppreżentat dokumenti marbuta ma’ dawn l-akkużi. L-Avukat difensur Franco Debono lmenta li ħadd ma jaf minn fejn ġew id-dokumenti u wissa li se jitlob investigazzjoni jekk il-Prosekuzzjoni ma tindikax minn fejn ġabet id-dokumenti.
L-Avukati difensuri sostnew li huma għadhom ma ngħataw xejn minn dak li joħroġ mill-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella.
L-avukati kollha tad-difiza sostnew li l-Maġistrat ma kellux jilqa’ t-talba tal-Prosekuzzjoni u talbu għar-rikuża tal-Maġistrat Leonard Caruana. Bl-avukati jgħidu li l-Qorti għandha tisma’ s-sottomissjonijiet tal-akkużati kollha.
Argumentaw ukoll li meta s-sittax-il akkużat jitressqu kollha f’daqqa flimkien, dawn kollha għandhom id-dritt li jkollhom difiża adegwata.
Fost oħrajn intqal li l-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella għadha lanqas ġiet esebita.
Wara li ssospenda l-kawża għal xi ħin, il-Maġistrat Caruana ma laqax it-talba tad-difiża. Irrimarka li hu dejjem ħalla lill-Avukati tad-Difiża jagħmlu l-punti tagħhom.
F’din is-seduta xehed il-Kummissarju tat-Taxxa Joe Caruana, li meta mistoqsi jekk għamilx xi investigazzjoni dwar xi persuna akkużata, qal li dik mhix responsabbiltà tiegħu.
F’xhieda oħra, ir-Reġistratur tal-Qorti Franklin Calleja semma li bħalissa qed isiru l-kopji tad-dokumenti li hemm fit-tmienja u sebgħin kaxxa, li joħorġu mill-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella.
Is-Supretendent Rennie Stivala xehed li xogħlu kien li jġib dak li titlob il-Maġistrat Gabriella Vella, iżda qatt ma investiga d-dokumenti li sabu fit-tfittxijiet.