Matul is-sena li għaddiet, iċ-ċinemas f’Malta u f’Għawdex urew 385 film, li l-udjenza għalihom qabżet in-nofs miljun persuna.
Fil-fatt, fiċ-ċinemas ta’ pajjiżna, ġew irreġistrati b’kollox, ħames mija u erbgħa u disgħin elf, u sebgħa u tmenin entratura.
L-għadd ta’ stabbilimenti taċ-ċinema kienu sitta, li bejniethom kellhom tlieta u għoxrin skrin.
Dawn id-dettalji ngħataw fi statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istastika, l-NSO.
L-istatistika għas-sena elfejn u tlieta u għoxrin uriet kif id-dħul gross mill-bejgħ tal-biljetti qabeż l-erba’ miljuni u nofs ewro.
L-aktar films popolari mal-Maltin kienu ‘Barbie’, ‘The Little Mermaid’, u ‘The Super Mario Bros. Movie’, li rreġistrat tmienja punt tmienja fil-mija, erbgħa punt sebgħa fil-mija, u erbgħa punt sebgħa fil-mija oħra tal-entraturi kollha, rispettivament.
Il-produzzjonijiet Maltin, li ħafna minnhom kienu films qosra, kellhom bejniethom udjenza ta’ kważi ħamest elef persuna, b’total ta’ dħul gross mill-biljetti li qabeż l-għoxrin elf ewro.
Il-maġġoranza tal-films, wieħed u sittin fil-mija, damu bejn sitta u sebgħin minuta u mija u għoxrin minuta.
Intant, matul is-senna li għaddiet, is-swali taċ-ċinemas kienu qed iħaddmu medja ta’ mija u għaxar persuni, li l-maġġoranza tagħhom kienu impjegati fuq bażi part-time.