Il-Prim Ministru Malti Robert Abela jinsab fi Brussell għal Laqgħa Informali tal-Mexxejja Ewropej.
F’dan is-Summit tal-Kunsill Ewropew, il-Mexxejja se jiddiskutu ċ-ċiklu istituzzjonali li jmiss wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, fejn mistennija jibdew jaraw min se jieħu l-ogħla karigi fl-Unjoni Ewropea.
Fuq il-mejda tad-diskussjoni, il-Mexxejja se jitkellmu dwar l-għażla tal-President tal-Kunsill Ewropew minflok Charles Michel.
F’dan il-każ, Michel ma jistax jibqa’ fil-kariga għaliex it-terminu huwa ta’ sentejn u nofs u jista’ jiġġedded darba biss, kif fil-fatt diġà sar.
Din il-kariga toħroġ mit-Trattat ta’ Lisbona u ilu jinħatar sa mill-2009, b’maġġoranza kwalifikata tal-Mexxejja Ewropej.
Il-Prim Ministru Malti flimkien mal-Mexxejja Ewropej se jiddiskutu wkoll in-nomina għal President tal-Kummissjoni Ewropea u l-ħatra tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà.
Fil-każ tal-President tal-Kummissjoni Ewropea mbagħad huma l-Membri tal-Parlament Ewropew li jivvotaw għan-nomina proposta mill-Kunsill Ewropew.
Kemm il-darba in-nomina ma ġġibx maġġoranza ta’ voti fil-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew ikollu jinnomina persuna oħra fi żmien xahar.
Dawn il-proċeduri kollha huma parti mit-Trattat tal-Unjoni Ewropea, wieħed mit-trattati primarji tal-Unjoni Ewropea.
Fil-midja internazzjonali qed jiġi rrapportat li l-eks Prim Ministru Portugiż Antonio Costa se jkun il-President tal-Kunsill Ewropew, waqt li l-Prim Ministru tal-Estonja Kaja Kallas mistennija tkun ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà. Dan filwaqt li Ursula von der Leyen mistennija tibqa’ President tal-Kummissjoni Ewropea – kariga li okkupat fl-aħħar ħames snin.
Intant, fil-każ tal-President tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew ma għandux ġurisdizzjoni hekk kif huma l-Membri tal-Parlament Ewropew li jaħtruh.