Il-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Chair-in-Office tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Koperazzjoni fl-Ewropa, l-OSCE, Ian Borg kienu preżenti għal Summit dwar il-paċi fl-Ukrajna, li sar fl-Iżvizzera.
F’dan is-summit internazzjonali, li għalih kien hemm preżenti rappreżentati minn mitt pajjiż minn madwar id-dinja, il-President tenniet li Malta se żżomm il-qafas ta’ newtralità u se tkompli tisħaq fuq il-bżonn tal-paċi fl-Ukrajna.
“Based on this conviction, I confirm my country’s full backing of the objective to work towards reaching a common starting point that will lead towards a creation of a comprehensive framework for peace. It is essential.”
Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru Ian Borg, fl-irwol ta’ Chair-in-Office tal-OSCE, saħaq dwar l-importanza tal-irwol ta’ din l-organizzazzjoni, li tagħti pjattaforma għad-djalogu fost is-57 membru tagħha, li jinkludu lill-Ukrajna u lir-Russja.
Il-Ministru Borg enfasizza l-esperjenza estensiva u l-għodda għall-immaniġġjar tal-kunflitti li għandha l-Organizzazzjoni, u kif dawn jistgħu jiġu adattati biex jappoġġjaw it-triq ’il quddiem għall-paċi fl-Ukrajna.
“Kif konna wgħedna, il-gwerra fl-Ukrajna hija l-prijorità assoluta tal-presidenza tagħna fl-OSCE matul din is-sena. L-OSCE li għandha fi ħdanha kemm lill-Federazzjoni Russa, l-aggressur, u l-vittma, l-Ukrajna, u għaldaqstant ingħaqadna ma’ għexieren ta’ Prim Ministri u Presidenti ta’ pajjiżi minn madwar id-dinja hawnhekk fl-Iżvizzera.”
Bħas-Summit li sar fl-Iżvizzera, sar ieħor simili f’pajjiżna fl-aħħar ta’ Ottubru li għadda.