F’analiżi tar-riżultati elettorali li kellna fl-aħħar jiem, l-eks Chairperson tal-Alternattiva Demokratika u l-ADPD, Carmel Cacopardo jindika kif il-Partit Nazzjonalista baqa’ bl-istess attitudni arroganti li tneżżgħu mill-fatt li jġib rispett lejn kulħadd, inkluż dawk fi ħdanu stess.
Hu jagħmel dan f’opinjoni fil-ħarġa tal-Malta Independent on Sunday.
Waqt li jagħmel osservazzjonijiet dwar ir-riżultat diżastruż li l-Partit ta’ Bernard Grech kiseb fl-elezzjoni għall-Kunsill Lokali ta’ Bormla, Cacopardo jisħaq li, jekk il-Partit Nazzjonalista ma jistax jirrispetta lil dawk fi ħdanu, tista’ timmaġina biss kemm jista’ qatt jirrispetta lilll-kumplament.
Cacaopardo għamel referenza speċifika għall-eks Kunsillier Nazzjonalista James Cauchi, li wara tletin sena sħaħ jservi lill-Partit tiegħu bl-akbar lealtà u saħħa f’fortizza Laburista, twarrab kompletament, anke jekk sal-aħħar ħin qabel għalqu n-nominazzjonijiet għall-kandidati ħallih imdendel jittama li jista’ jkompli jagħmel il-ġid għal-lokalità ta’ Bormla, li hi tant hi għażiża għalih.
Cauchi, li ġie intervistat b’mod esklussiv minn ONE News wara li ġie skreditat u mċaħħad mit-tmexxija ta’ Grech, kien irrakkonta li kien is-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino nnifsu li ħeġġu jimla l-formola biex jerġa’ jikkontesta fuq Bormla.
Minkejja dan, wara telefonata fejn ġie ssuġġerit lilu li jingħaqad f’konġura oħra interna fil-Partit Nazzjonalista, l-applikazzjoni tiegħu baqgħet qatt ma tressqet għall-approvazzjoni tal-Eżekuttiv Nazzjonalista u qatt ma ngħata raġuni għal dan, lanqas.
Fi stqarrija bla sustanza mill-Partit Nazzjonalista, kienet inġiebet biss l-iskuża fjakka li Cauchi xi snin qabel kien iffavorixxa xi kandidati tal-Partit Laburista. Dan anke jekk kien il-Partit Nazzjonalista stess li, fil-bidu ta’ din is-sena, ġera warajh biex jerġa’ jikkontesta.
Fil-verità, bil-ħidma tiegħu fuq għexieren ta’ snin u b’kollaborazzjoni mal-maġġoranza Laburista għall-aqwa ġid f’Bormla, Cauchi dejjem ġab l-akbar ammont ta’ voti għall-Partit tiegħu u f’okkażjoni minnhom anke qabeż l-ammont ta’ voti ta’ kull kandidat.
Issa, bin-nuqqas ta’ Cauchi wkoll, l-elezzjoni tal-ġimgħa l-oħra f’Bormla ħolqot il-preċedent li, għall-ewwel darba, kunsill se jkun magħmul minn partit wieħed biss, wara li l-Partit Laburista eleġġa ħames kunsillieri tiegħu minn daqstant postijiet li huma disponibbli għal din il-lokalità.
Dan saħħaħ l-argument ta’ Carmel Cacopardo r-riżultat f’din il-lokalità kien indikattiv biżżejjed li l-Partit tal-Maduma għadu ma ħelisx mit-tendenzi suwiċidali kultant żmien.
“Mhemm l-ebda mod ieħor kif jista’ jinftiehem jew jiġi deskritt il-mod kif il-Partit Nazzjonalista rema lill-kunsillier tiegħu għal daqstant żmien. James Cauchi kien jixraqlu rispett ferm akbar għas-snin tiegħu ta’ attiviżmu politiku f’isem il-Partit Nazzjonalista f’lokalità b’saħħitha Laburista,” kiteb l-eks Kap tal-ADPD.