“L-ewwel mistoqsija li rridu nagħmlu hi jekk hux se jkollna kuraġġ li nagħmlu d-deċiżjonijiet u l-bidliet meħtieġa? U r-risposta hemmhekk hija ċara. Iva, għandna dak il-kuraġġ, għandna r-rieda, għandna dak l-entuzjazmu meħtieġ biex nindirizzaw ir-realtajiet tal-lum.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dan kien il-messaġġ ewlieni li għadda l-Prim Ministru u l-Mexxej Laburista Robert Abela, minn ġewwa r-Rialto f’Bormla, fl-ewwel attività politika wara l-elezzjonijiet tat-tmienja ta’ Ġunju.
Quddiem folla sabiħa fil-belt tal-Kottonera, li fiha l-Partit Laburista għamel kisba storika, hekk kif kiseb il-ħames siġġijiet kollha tal-Kunsill Lokali, Dr Abela nnota l-fiduċja ta’ maġġoranza u maġġoranza assoluta li l-poplu ta fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali, rispettivament.
Iżda nnota wkoll il-messaġġ li ta l-poplu li jrid Gvern Laburista fit-tmexxija ta’ dan il-pajjiż, iżda daqstant ieħor irid Partit Laburista, illum mill-Gvern, jirrispondi ħafna aħjar għall-prijoritajiet tiegħu.
“Dak li qabel kien fuq nett fil-lista tal-prijoritajiet tan-nies, issa nbidel. Għax l-għażliet li għamiltu intom, dejjem irnexxielna nirriflettuhom fit-tmexxija tagħna u għax dawk il-prijoritajiet indirizzajnihom. Jien ngħid li, qabel il-pandemija, kien hemm sinjali ċari, li l-prijoritajiet tan-nies kienu qed jinbidlu u nemmen, imbagħad ukoll, li bil-pandemija, dik it-tendenza ssaħħet. Iva, il-poplu jrid il-ġid ekonomiku, dik ċara, imma dak il-ġid illum irridu nirriflettuh fil-kwalità tal-ħajja.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru sostna li l-manifest ‘Malta Flimkien’ u llum programm ta’ ħidma tal-Gvern, joffri bażi b’saħħitha.
“Anke f’dak il-manifest, il-prijoritajiet li joħorġu minnu, issa rridu nimbottawhom aktar lejn l-avvanz ambjentali u soċjali, li joffri dak il-pjan.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela qal li jrid ikun hemm bidla fil-mentalità u l-bidla tibda minnu wkoll bħala Prim Ministru u Mexxej li jwieġeb b’umiltà.
“Il-bidla fil-mentalità tibda minni, l-ewwel wieħed, li rrid nibqa’ nwieġeb lejn l-aspirazzjoni tagħkom b’umiltà. Flimkien, nixtieq u rrid li jibqa’ jkollna diskussjoni li tkun waħda mill-aktar libera. U, imbagħad, dik il-bidla fil-mentalità trid tkompli fil-ministri, fis-segretarji parlamentari, fil-Gvern kollu, fil-Partit Laburista, fl-istrutturi kollha tal-Partit Laburista. Ma nistgħu nieħdu lil ħadd for granted lil ħadd u lil xejn.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Hawnhekk il-Prim Ministru indirizza wkoll sezzjoni mill-elettorat li, fl-elezzjonijiet tat-tmienja ta’ Ġunju, ma tawx fiduċja fil-Partit Laburista.
“Lil dawn in-nies ngħidulhom fejn inqasna, tkellmu magħna u jgħidulna. Imma, aktar minn hekk, kunu parti mill-bidliet, li intom temmnu fihom u li għandu bżonn dan il-pajjiż. Daqskemm irridu riformi u daqskemm in-nies iridu riformi. Il-messaġġ tan-nies kien wieħed ċar ukoll, hu wieħed favur li jridu dixxiplina u ġustizzja, u jridu wkoll riżultati u mhux biss fuq il-karta.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
F’Bormla, il-Prim Ministru Robert Abela għalaq il-messaġġ tiegħu hekk.
“Kunu magħna fit-twettiq ta’ dak li hu sewwa, dak li hu mistenni minnha, dak li hu fl-interess tan-nies, tagħkom u ta’ pajjiżna u ta’ wliedna. Il-messaġġ tal-elezzjoni smajnih, il-poplu jrid Gvern li jkun aktar tan-nies, Gvern li mhux jaqdi, imma jservi. Jien din ir-rieda tal-poplu rrid inwettaqha magħkom. Ingħaqdu magħna biex ningħaqdu f’din it-triq tal-bidla flimkien, għax il-messaġġ tagħna matul il-kampanja kien li s-saħħa f’idejkom u s-saħħa mhux biss meta tivvotaw, imma anke meta tibgħatu l-messaġġ. Is-saħħa kienet, għadha u se tibqa’ f’idejkom. Grazzi talli se tkunu parti mill-futur sabiħ li għandu dan il-partit u dan il-pajjiż.”
Il-Prim Ministru Robert Abela