Rebħa assoluta b’maġġoranza soda, li turi li n-nies iridu li l-Partit Laburista jkompli jmexxi ’l quddiem lil pajjiżna. Din il-fiduċja tpoġġi responsabbiltà fuq il-Partit Laburista biex ikun verżjoni aħjar tiegħu nnifsu.
Dan intqal mill-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela l-Ġimgħa filgħaxija, wara l-għeluq tal-għadd tal-voti fl-Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, fejn il-Partit Laburista kien ir-rebbieħ assolut fejn kiseb maġġoranza ta’ madwar 20,000 vot fuq il-Partit Nazzjonalista.
“Poplu li wera maturità kbira fil-mod kif bagħat il-messaġġ tiegħu. Issa sta għalina li nkunu verżjoni itjeb tagħna nfusna. Dak hu l-messaġġ ċentrali li joħroġ miż-żewġ riżultati – poplu li jrid il-Partit Laburista, iżda Partit Laburista li hu mġedded; Gvern li jkompli jsaħħaħ lilu nnifsu. U naturalment, imbagħad, ir-riżultati ta’ dik il-ħidma dejjem iridu jittrasformaw rwieħhom f’riżultati aqwa għan-nies, f’titjib tal-kwalità tal-ħajja tan-nies u f’poplu li, nemmen, li nistgħu ngħinuh jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
F’intervista ma’ Wayne Sammut waqt il-programm speċjali ‘8/06’ fuq ONE, il-Prim Ministru sostna li l-Gvern irid jaħdem dwar il-prijoritajiet tal-poplu, waqt li jkun umli.
“Issa sta għall-Gvern u għall-Partit ukoll, u nenfasizza li l-Partit ukoll, kif ikompli jaġġorna lilu nnifsu biex ikun dejjem hu li jista’ jibqa’ jilqa’ għall-prijoritajiet il-ġodda u jissodisfa dawk il-prijoritajiet il-ġodda. Jiġifieri jiena nħares lejn illum u ngħid ħa nħares ’il quddiem lejn sentejn, tlieta oħra. Irrid li l-prijoritajiet tan-nies tal-lum, jekk humiex l-ambjent, żvilupp sostenibbli, jibqgħu li huma jew ngħid li dawk irnexxielna nindirizzawhom u n-nies qed iħarsu lejn prijoritajiet ġodda?”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Intqal li sfida, li għandu quddiemu l-pajjiż u l-Partit, hi dik li jibqa’ jiġġedded. Hawnhekk Dr Abela sostna li jħares ’il qudddiem li jkun hemm riformi fil-Partit Laburista.
Il-Prim Ministru semma kif din il-viżjoni tista’ titwettaq mill-kunsillieri eletti fil-lokalitajiet f’Malta u f’Għawdex, fosthom anke biż-żgħażagħ, li ġew eletti għall-ewwel darba.
Meta kompla jitkellem dwar il-kunsilli lokali, li ġew ifformati għall-ħames snin li ġejjin, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq kif il-Gvern se jkun qed jappoġġjahom bi sħiħ, inkluż anke b’aktar riżorsi biex ikunu ta’ ġid akbar għal-lokalitajiet.
Il-Mexxej Laburista sostna kif il-ħafna talenti, li hemm fil-Partit Laburista, kemm fil-kandidati li ġew eletti u oħrajn li ma ġewx, għandhom jingħaqdu flimkien għall-ġid tal-pajjiż.
Dr Abela għadda messaġġ lejn dawk li ma kinux parti minn dawn ir-riżultati tal-Partit Laburista.
“Jekk forsi kien hemm persuni, li mhux neċessarjament anke taw il-fiduċja tagħhom lill-Partit Laburista, jew ħassewhom li forsi kellhom joqogħdu pass lura, jew ma ħassewhomx komdi biżżejjed mal-Partit Laburista f’dawn l-aħħar xhur, huma x’inhuma r-raġunijiet, ejja ħa mmorru għalihom, ħa nġibuhom lura. U nemmen li b’hekk tista’ tibqa’ miexi ’l quddiem. Qed nitkellem f’isem il-Partit Laburista. Naħseb għandu jkun l-approċċ ta’ kull partit dak, li ma nimmarġinalizzaw lil ħadd.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Mexxej Laburista Robert Abela wkoll għadda dan il-messaġġ lill-attivisti tal-Partit Laburista.
“Ara ma niqfux. Jiġifieri r-rally call tiegħi llum mhix ta’ brejk. Ir-rally call tiegħi hi li, jekk jista’ jkun, minn għada, inkomplu. Ma nistgħux inwaqqfu r-ritmu. Qbadna ritmu tant b’saħħtu f’din il-kampanja elettorali, kont verament kuntent bl-entużjażmu li rajt.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Fl-intervista wara t-tmiem ta’ dan il-proċess elettorali, il-Prim Ministru sostna kif, bl-għaqda nazzjonali flimkien, Malta tista’ tkompli tegħleb l-isfidi.
“Deħlin għal tliet snin fejn hemm sfidi kbar fuq livell internazzjonali, però sfidi li nistgħu negħlbuhom, sakemm nibqgħu naħdmu kollettivament b’dak il-grupp ta’ nies li nibqgħu flimkien, b’sens ta’ tmexxija li jkun wieħed b’saħħtu, iddirezzjonat. U nemmen, imbagħad, ukoll li f’livell ta’ Partit, u anke bħala pajjiż, hemm futur sabiħ ħafna li verament għandna x’niċċelebrawh.”
Il-Prim Ministru Robert Abela