Fid-disgħa tal-lejla tintlagħab il-logħba inawgurali tal-Kampjonat Ewropew tal-futbol bejn il-pajjiż li qed jospitah, il-Ġermanja, u l-Iskozja fl-Allianz Stadium ta’ Munich.
Minn wara din il-logħba jridu jintlagħbu ħamsin partita, bil-finali ssir f’Berlin fl-14 ta’ Lulju li ġej.
F’din il-kompetizzjoni Ewropea, li hi mistennija minn miljuni kbar ta’ partitarji u dilettanti, qed jipparteċipaw erbgħa u għoxrin pajjiż.
Fi Grupp A hemm il-Ġermanja, l-Iskozja, l-Ungerija u l-Iżvizzera.
Grupp B hu magħmul minn Spanja, il-Kroazja, l-Italja u l-Albanija.
Fi Grupp Ċ hemm is-Slovenja, id-Danimarka, is-Serbja u l-Ingilterra.
Fi Grupp D hemm il-Polonja, l-Olanda, l-Awstrija u Franza.
Fi Grupp E hemm il-Belġju, is-Slovakkja, ir-Rumanija u l-Ukrajna.
Fl-aħħar grupp, il-Grupp F, hemm it-Turkija, il-Georgia, il-Portugall u r-Repubblika Ċeka.
Il-fażi tal-gruppi tibqa’ għaddejja sas-26 ta’ Ġunju, minn fejn iridu jikkwalifikaw 16-il pajjiż. It-tieni fażi, li tkun forma ta’ knockout, tibda mid-29 ta’ Ġunju.
Din hi l-ewwel darba li l-Ġermanja, bħala pajjiż magħqud, se tkun qed tospita din il-kompetizzjoni mill-waqgħa tal-Ħajt ta’ Berlin fl-1989. Dan hekk kif fl-edizzjoni tal-elf disa’ mija tmienja u tmenin (1988) kienet saret biss fil-Ġermanja tal-Punent.
Skont il-bookmakers, l-aktar pajjiżi favoriti li jirbħu din l-edizzjoni tal-kampjonat Ewropew huma Franza, il-Ġermanja, l-Ingilterra, il-Portugall u Spanja.
L-istennija fost il-Maltin tkun, bla dubju, fejn jidħlu t-timijiet tal-Ingilterra u tal-Italja, b’mod partikolari, b’dawn it-tnejn li wkoll iltaqgħu fil-finali tal-aħħar edizzjoni.
F’dan ix-xahar ta’ futbol, l-istazzjon ONE, ta’ kuljum, se jkun qed ixandar programm fit-tmienja u għaxra ta’ filgħaxija.