Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia Portelli, iddikjarat li l-għajxien indipendenti ta’ persuni b’diżabilità jibqa’ prijorità nazzjonali għal Malta.
Waqt li indirizzat konferenza fil-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità fi New York, Farrugia Portelli fakkret f’għadd ta’ kisbiet ewlenin għall-pajjiż fl-aħħar snin, bħal-leġiżlazzjoni li tikkriminalizza b’mod komprensiv l-isterilizzazzjoni forzata, ir-riforma nazzjonali lejn id-de-istituzzjonalizzazzjoni, it-tisħiħ tal-assistenza personali u l-kumpens lill-vittmi tat-Thalidomide.
Din il-laqgħa għolja annwali ġġib flimkien rappreżentanti ta’ gvernijiet, attivisti fil-qasam tad-diżabilità, akkademiċi u esperti, biex jirriflettu fuq il-kisbiet tal-passat, filwaqt li jfasslu soluzzjonijiet konġunti għall-isfidi komuni.
“Malta kienet mfaħħra għall-ħidma tagħha li qed tagħmel fis-settur tad-diżabilità, b’mod partikolari, ir-riforma għall-assistent personali. Kellna wkoll kliem pożittiv dwar il-kumitat konsultattiv ENGAGE fejn twaqqaf b’wegħda elettorali li hu l-forum fejn persuni b’diżabilità jistgħu jħabbtu l-ideat u l-opinjonijiet tagħhom qabel dawn ir-riformi jittellgħu fil-parlament jew inkella fil-kabinett tal-Ministri.”
Minbarra din il-konferenza, il-Ministru indirizzat sessjoni favur pjan ta’ azzjoni għall-inklużjoni tad-diżabilità fi ħdan il-Commonwealth fejn tenniet l-appoġġ mogħti mill-Gvern Malti f’dan ir-rigward u kif għandha tkompli tiġi diskussa fil-Laqgħa li jmiss tal-Kapijiet tal-Gvernijiet tal-Commonwealth, iċ-CHOGM, f’Ottubru li ġej.
F’laqgħa oħra mal-għaqda internazzjonali The Leprosy Mission, uffiċjali għoljin faħħru lill-Gvern Malti li ressaq leġiżlazzjoni li tħassar liġijiet ta’ żmien l-Ingliżi li jiddiskriminaw kontra persuni affettwati mil-Lebbra, li jaslu biex jesperjenzaw diżabilità.
Il-Ministru affermat li ser tagħmel sforz fil-Commonwealth biex pajjiżi li għandhom tali liġijiet iħassruhom ukoll.
Dawn l-isforzi ġew mfaħħrin minn Matthias Duck, li jifforma parti mill-għaqda The Leprosy Mission.
“We just met with the Minister of Inclusion of the country of Malta, and we are very happy that Malta is repealing the law that was still considered discriminatory against persons effected by Leprosy, and we hope that this example leads other countries to also repeal these laws.”
Il-Ministru Farrugia Portelli ltaqgħet ukoll ma’ Bill Shorten, il-Ministru Awstraljan responsabbli mill-Iskema Nazzjonali għall-Assigurazzjoni dwar id-Diżabilità, fejn spjegat li Malta wkoll adottat skema simili u effettwat tibdil fil-liġi biex aktar kumpaniji simili jkopru aktar assistenza persuni b’diżabilità.
F’laqgħa oħra maċ-Chairperson tal-Kumitat tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, Gertrude Oforiwa Fefoame, kellha kliem ta’ tifħir għall-isforzi tal-Gvern Malti biex aktar persuni b’diżabilità jinħarġu mill-istituzzjonjiet.
“We would continue to work with Malta the capacity recourses provision that have shared, and we look forward that Malta may write to the Secretariate for us to begin to engage and strengthen that as we continue to work to us improvement in quality of lives of persons with disabilities through implementation of the convention and national disability legislations. Well done and thank you.”
Il-Ministru Farrugia kienet akkumpanjata mir-Rappreżentanta Permanenti ta’ Malta għall-Ġnus Magħquda, Vanessa Fraiser, u l-Kummissarju għall-Persuni b’Diżabilità Rhoda Garland, fost l-oħrajn.