Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti, l-FKNK, qalet fi stqarrija li, fl-aħħar jiem, spjegat x’se tkun l-ewwel sfida tal-Kummissjoni Ewropea issa li spiċċaw l-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.
L-għaqda mhux governattiva tenniet li jidher li hemm direzzjoni fl-Ewropa biex jinstab mod kif titwaqqaf il-kaċċa fuq ħmistax-il speċi ta’ għasafar li llum il-ġurnata huma permessibbli fl-Ewropa. Minn dawn, tmienja jinsabu fuq il-lista ta’ tajr kaċċabbli f’pajjiżna.
Dawn huma l-Brajmla, is-Sarsella Ħamra, il-Palettuna, is-Silfjun u s-Silfjun Ewropew, il-Venewwa, il-Girwiel u l-Bekkaċċ.
Il-FKNK temmen li, biex wieħed jiddetermina jekk speċi jew oħra tiflaħx għall-impatt ta’ teħid mis-selvaġġ, irid ikun hemm studji xjentifiċi u imparzjali li jiġu dibattuti u li jrid ikun hemm qbil dwarhom b’esperti mill-gvernijiet konċernati.
Għaldaqstant, il-Federazzjoni temmen li, min-naħa ta’ Malta, dawn l-esperti se jkunu attenti ferm biex ma jsirux deċiżjonijiet bl-addoċċ u mingħajr bażi soda xjentifika.
Tenniet li tinsab fiduċjuża li, bil-kontribut tal-kompetenza esperta tagħha, il-kordinazzjoni fuq 36 sena mal-Federazzjoni Ewropea għall-Kaċċa u Konservazzjoni u l-involviment sinċier tal-Ewroparlamentari eletti għal pajjiżna, hemm l-għodda adegwati u meħtieġa biex pajjiżna jirreżisti tali proposti.