Għamilna wiegħda li se nibnu tliet awli ġodda fil-Qorti sal-aħħar tas-sena. L-ewwel waħda lesta, u l-ewwel seduta se ssir il-ġimgħa d-dieħla.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici, wara li kien nieda proġetti infrastrutturali li qed iwettaq il-Gvern fil-bini tal-Qorti bil-għan li jiżdiedu iktar faċilitajiet u jkompli jitnaqqas id-dewmien.
Il-Ministru Bonnici kemm-il darba tkellem fuq il-ħtieġa li dan il-Gvern ikompli jaħdem bis-sħiħ favur aktar effiċjenza fil-qasam tal-Ġustizzja, u kemm hu importanti li l-ġudikanti jingħataw il-faċilitajiet li hemm bżonn biex isir dan.Il-Gvern digà wettaq sensiela ta’ riformi legali, u ma dawn issa qed isir investiment infrastrutturali. Tul din is-sena se jitlestew it-tliet awli l-ġodda, li jfisser li se jinstemgħu iktar kawżi, jingħataw iktar sentenzi u jitnaqqas aktar id-dewmien.
Dan mhux biss, iżda biex iż-żewġ awli ta’ fuq ikunu aktar aċċessibli, matul din is-sena inbnew ukoll żewġ lifts ġodda. Dan kollu se jkun frott ta’ investiment ta’ ftit aktar minn €750,000.