Il-Fond Ewropew tal-Investiment, li hu parti mill-Grupp tal-Bank tal-Investiment, wasal fi ftehim mal-Bank Malti għall-Iżvilupp, l-MDB, biex jiġu mobilizzati madwar €44 miljun f’investiment fi proġetti sostenibbli u kreattivi mmirati għall-intrapriżi żgħar u medji u dawk ftit akbar f’pajjiżna.
Din hi t-tieni operazzjoni tal-Fond Ewropew tal-Investiment f’Malta b’appoġġ mill-InvestEU, bil-għan li dan il-programm tal-Unjoni Ewropea jimmobilizza €372 biljun f’investimenti sal-2027.
Permezz ta’ din is-sħubija, il-Fond Ewropew tal-Investiment u l-MDB se jkomplu jixprunaw t-tranżizzjoni ekoloġika f’Malta u jagħtu appoġġ lin-negozji kulturali u kreattivi permezz ta’ żewġ garanziji lill-bank b’total ta’ €20 miljun.
Aktar minn hekk, din l-għajnuna tinkoraġġixxi sostenibbiltà ambjentali u attivitajiet kulturali, filwaqt li ssaħħaħ l-iżvilupp ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi fil-pajjiż.
L-għajnuna tinkludi garanzija ta’ €15-il miljun biex tixpruna intrapriżi żgħar u medji u dawk ftit akbar f’Malta biex jidħlu għal proġetti ekoloġiċi. B’hekk jikkontribwixxu għal ekonomija ħadra b’livell baxx ta’ karbonju u jitnaqqas l-impatt negattiv tal-bidla fil-klima.
Dan il-ftehim jibni fuq ieħor milħuq b’suċċess fl-aħħar tal-2023, b’valur ta’ €30 miljun bejn il-Bank Ewropew tal-Investiment u l-MDB, li kellu l-għan li jappoġġja firxa ta’ inizjattivi ambjentali, bħal infrastruttura li tiċċarġja l-vetturi elettriċi, installazzjonijiet fotovoltajiċi, effiċjenza tal-enerġija f’bini pubbliku u privat kif ukoll proġetti ta’ riċiklaġġ tal-iskart.
Iċ-Chairman tal-MDB, Leo Brincat, stqarr li jinsabu kburin li ġew fdati b’din il-garanzija, waqt li enfasizza li r-rwol tal-Bank hu li jgħin biex is-sostenibbiltà u l-kreattività jkunu kontributuri importanti għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjegi f’pajjiżna.