Reġa’ ġie rreġistrat tnaqqis fir-rati ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali u kif ukoll ta’ dawk f’riskju ta’ faqar u ta’ dawk f’ċaħda materjali u severa. Dan joħroġ minn ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) dwar d-dħul tal-familji fl-2023, abbażi tas-sena 2022.
L-għadd ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali (AROPE) issa niżel għal 19.8% tal-popolazzjoni mistħarrġa, tnaqqis ta’ 0.3 punti perċentwali fuq l-2022. Fl-2013 din ir-rata kienet ftit anqas minn 25%.
L-għadd ta’ persuni f’riskju ta’ faqar (ARP) laħħaq 16.6% tal-popolazzjoni, tnaqqis ta’ 0.1 punt perċentwali meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Din ir-rata reġistrata kienet l-aktar waħda baxxa mill-2017 ’l hawn.
Fiż-żewġ indiċi ġie nnutat tnaqqis fir-rati perċentwali ta’ persuni fl-etajiet ta’ 65 sena jew akbar, u kif ukoll ta’ dawk f’etajiet bejn it-18 u l-64 sena. F’kull kategorija kien hemm żieda fl-għadd ta’ persuni b’riżultat ta’ aġġustament li għamlet l-NSO fl-ammont tal-popolazzjoni b’riżultat taċ-Ċensiment li sar fl-2021.
Fil-fatt dan l-aġġustament wassal biex l-NSO tirrevedi ’l fuq il-figura tal-popolazzjoni b’20,000 persuna. Dan ma jfissirx li l-popolazzjoni żdiedet b’daqshekk f’sena waħda iżda l-aġġustament ikopri numru ta’ snin li issa ġie rifless kollu f’daqqa fis-sena 2022.
Il-Ministru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon stqarr li għalkemm ix-xejra ġenerali hija waħda pożittiva u inkoraġġanti jibqa’ l-ħtieġa li ssir aktar ħidma biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-familji. Huwa żied jgħid li dan l-aħħar studju tal-NSO, peress li hu bbażat fuq l-2022, għadu mhux jinkludi d-diversi miżuri u żidiet li ddaħħlu fl-2023 u l-2024, fosthom żidiet rekord fil-pensjonijiet, l-benefiċċji tat-tfal, li żgur komplew itejbu l-qagħda tal-familji Maltin u Għawdxin.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti Mark Musu spjega li dawn iċ-ċifri jikkonfermaw li bil-progress ekonomiku u t-titjib fil-pensjonijiet u l-benefiċċji soċjali sal-2022, kien hemm tkabbir ta’ 7 fil-mija fid-dħul medju disponibbli tal-familji bejn l-2021 u l-2022 u dan laħħaq €37,275. Din kienet it-tieni l-akbar żieda fid-dħul mill-2013 ’l hawn wara dak reġistrat fl-2020 ibbażat fuq id-dħul fl-2019.
Id-dħul medjan ta’ familja b’persuna waħda issa laħaq €18,940 waqt li l-ammont li jekk persuna waħidha ma taqbżux titqies f’riskju tal-faqar issa tela’ għal €11,364. Dawn l-ammonti ta’ dħul huma 57% ogħla milli kienu fl-2013.
Tabella A turi kif żdied id-dħul disponibbli medju tal-familji mill-2013 ’l hawn.
Tabella A
SILC (ibbażat fuq id-dħul fis-sena preċedenti) | Dħul Disponibbli Medju € | Żieda annwali € | Dħul Medjan Nazzjonali Ekwavilizzat€ | Żieda annwali € |
2013 | 23,498 | 12,092 | ||
2014 | 24,730 | 1,232 | 12,787 | 695 |
2015 | 25,960 | 1,230 | 13,493 | 706 |
2016 | 26,247 | 287 | 13,572 | 79 |
2017 | 27,722 | 1,475 | 14,496 | 924 |
2018 | 27,830 | 108 | 14,781 | 285 |
2019 | 28,505 | 675 | 15,354 | 573 |
2020 | 31,266 | 2,761 | 16,240 | 886 |
2021 | 32,590 | 1,324 | 17,036 | 796 |
2022 | 34,814 | 2,224 | 18,155 | 1,119 |
2023 | 37,275 | 2,461 | 18,940 | 785 |
Sors: NSO
Ta’ min jispjega li l-ammonti msemmija jiġu ekwivalizzati skont il-kobor tal-familja. Dan ifisser li filwaqt li biex persuna titqies f’riskju ta’ faqar jekk id-dħul tagħha fl-2022 ma kienx jaqbeż l-€11,364, dan id-dħul ikun iżjed aktar ma l-familja tkun kbira.
Per eżempju fl-2013, biex persuna ma kienitx titqies f’riskju ta’ faqar id-dħul tagħha ma riedx jaqbeż €7,255. Illum fadal anqas minn 30,000 persuna li ma jaqbżux dan id-dħul meta fl-2013 kien hemm aktar minn 60,000 persuna ma jaqbżuhx.
Tabella B turi eżempji ta’ kemm kien id-Dħul Medjan Nazzjonali u l-ammont li miegħu jitkejjel ir-riskju tal-faqar fl-2022 skont il-kobor tal-familja.
Tabella B
Ammonti indikattivi ta’ dħul disponibbli (wara l-ħlas tat-taxxa u l-kontribuzzjonijiet) skont id-daqs tal-familja u d-dħul tagħhom fl-2022 | Dħul Medjan | Riskju ta’ Faqar |
€ | € | |
Familja b’persuna waħda | 18,940 | 11,364 |
Familja b’żewġ persuni | 28,410 | 17,046 |
Familja bi tlett persuni (wild taħt 14-il sena) | 34,092 | 20,455 |
Familja bi tlett persuni (wild ta’ 14-il sena jew aktar) | 37,880 | 22,728 |
Familja b’erba’ persuni (2 itfal taħt 14-il sena) | 39,773 | 23,864 |
Familja b’erba’ persuni (wild taħt 14 + wild ta’ 14-il sena jew aktar) | 43,562 | 26,137 |
Familja b’ħames persuni (3 itfal taħt 14-il sena) | 45,457 | 27,274 |
Familja b’ħames persuni (2 itfal taħt 14-il sena + wild ta’ 14-il sena jew aktar) | 49,243 | 29,546 |
Familja b’ħames persuni (wild taħt 14-il sena + 2 ulied ta’ 14-il sena jew aktar) | 53,032 | 31,819 |
Familja b’ħames persuni (3 itfal ta’ 14-il sena jew aktar) | 56,820 | 34,092 |