Mill-Erbgħa sal-Ġimgħa se jsir l-għadd tal-voti ta’ sebgħa u sittin lokalità – tlieta u ħamsin f’Malta u erbatax f’Għawdex – wara l-Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali tas-Sibt li għadda.
F’dawn it-tlett ijiem iridu jridu jiġu eletti erba’ mija, wieħed u sebgħin (471) kunsillier fil-lokalitajiet kollha madwar Malta u Għawdex. Dan minbarra l-belt tal-Imdina, fejn hawnhekk ma saret l-ebda elezzjoni, hekk kif ikkontestaw biss ħames persuni, l-istess numru ta’ kunsillieri allokati għal-lokalità.
Id-daqs tal-kunsilli lokali jvarjaw skont id-daqs tal-popolazzjoni f’kull belt u raħal.
L-akbar kunsilli huma ta’ San Pawl il-Baħar, Birkirkara, il-Mosta u Tas-Sliema bi tlettax-il kunsillier, filwaqt li oħrajn għandhom ħdax, disgħa, sebgħa u ħames kunsillieri, li hu wkoll l-iżgħar ammont possibbli.
Fuq ħames snin ilu, din id-darba se jiġu eletti tnax-il kunsillier aktar, minħabba li żieda fil-popolazzjoni.
Dan hekk kif il-Kunsilli ta’ Ħal Għaxaq, Tal-Pietà u x-Xagħra, Għawdex, telgħu għal sebgħa minn ħamsa. Il-Kunsill tal-Ħamrun żdied minn sebgħa għal disgħa, waqt li l-Kunsilli f’Wied il-Għajn, in-Naxxar u San Ġwann telgħu minn disgħa għal ħdax-il kunsillier.
L-unika tnaqqis minħabba l-popolazzjoni, meta mqabbel ma’ ħames snin ilu, seħħ fil-Kunsill Lokali ta’ Bormla, hekk kif minn sebgħa niżlu għal ħamsa.