Il-linja nazzjonali tal-ajru Maltija, KM Malta Airlines, iffirmat ftehim mat-Turkish Airlines, l-akbar linja tal-ajru li ttir lejn pajjiżi differenti fid-dinja, biex ikunu jistgħu joperaw titjiriet konġunti, b’mod effettiv minn nhar is-Sibt li ġej.
Il-ftehim ta’ ‘codeshare’ se jipprovdi lill-passiġġieri taż-żewġ linji tal-ajru għażliet ta’ vjaġġar aktar flessibbli fuq titjiriet diretti bejn Istanbul u Malta. B’din il-koperazzjoni, KM Malta Airlines se tpoġġi n-numri tat-titjiriet tagħha fuq dawk tat-Turkish Airlines bejn Istanbul u Malta.
Il-Kap Eżekuttiv tat-Turkish Airlines, Bilal Ekşi, qal li jinsabu kuntenti bil-ftehim mal-KM Malta Airlines, hekk kif dan se jrawwem mill-ġdid il-koperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi.
Minbarra hekk, qal li din is-sħubija mhux biss tippermetti li l-vjaġġaturi Maltin jibbenefikaw min-netwerk wiesa’ tat-Turkish Airlines fuq skala globali, iżda wkoll tippromwovi aktar viżitaturi minn Malta biex iżuru pajjiżi ’l bogħod, bħall-Istati Uniti. Bl-istess mod, se jiġu attirati aktar viżitaturi lejn Malta mid-diversi destinazzjonijiet li tipprovdi l-linja tal-ajru Torka.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman Eżekuttiv ta’ KM Malta Airlines, David G. Curmi, ġie kkwotat jgħid li Istanbul hu hub ewlieni konness ma’ Malta darbtejn kuljum, li joffri lill-klijenti Maltin għażla kbira ta’ destinazzjonijiet. Saħaq li KM Malta Airlines qed tkompli turi kemm qed hi rikonoxxuta minn linji kbar.
Il-bejgħ tal-biljetti għal dawn it-titjiriet huma disponibbli mis-siti turkishairlines.com u kmmaltairlines.com.