Xogħlijiet ta’ twaqqigħ jew skavar f’siti ta’ kostruzzjoni mhux se jkunu permessi f’żoni turistiċi fil-perjodu ta’ bejn il-Ħadd li ġej, 15 ta’ Ġunju, u t-30 ta’ Settembru.
Kif inhu stabbilit fil-liġi, dawn ix-xogħlijiet mhumiex permessibbli matul il-perjodu tas-sajf kif jiġri kull sena biex jitnaqqas l-inkonvenjent fuq żoni speċifiċi madwar il-pajjiż.
Dan tħabbar mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika, Clayton Bartolo, waqt li kien qed iwieġeb mistoqsija tad-Deputata Graziella Galea fil-Parlament waqt is-seduta tat-Tnejn waranofsinhar, wara l-waqfa minħabba l-elezzjonijiet tas-Sibt li għadda.
Il-lokalitajiet f’Malta affettwati mil-liġi huma partijiet minn Ħ’Attard, Birżebbuġa, il-Floriana, il-Gżira, il-Kottonera, Marsaskala, Marsaxlokk, l-Imdina, il-Mellieħa, il-Mosta, ir-Rabat, Tas-Sliema, San Ġiljan, is-Swieqi, San Pawl il-Baħar, Wied iż-Żurrieq u l-Belt Valletta.
Minbarra Kemmuna kollha kemm hi, f’Għawdex il-partijiet tal-lokalitajiet affettwati jinsabu fl-Għasri, l-Għarb, Marsalforn, l-Imġarr, il-Qala, ir-Ramla l-Ħamra, is-Sannat, San Lawrenz, ir-Rabat, ix-Xagħra u x-Xlendi.
Għad-dettalji dwar iż-żoni speċifiċi, li jaqgħu taħt din il-liġi, wieħed jista’ jżur is-siti online tal-MTA u l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, il-BCA.