“Se nkompli naħdem fil-perjodu ta’ tranżizzjoni li hemm bżonn fi ħdan il-Partit Laburista biex, imbagħad, isir it-tiġdid meħtieġ, inkluż fil-kariga li sal-lum nokkupa.” Kiteb dan id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista, Daniel Micallef, permezz ta’ kitba fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook.
Hu saħaq li kien tkellem mal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela dwar dan sentejn ilu, jiġifieri li ma kienx biħsiebu jibqa’ jaqdi r-rwol tiegħu wara l-elezzjonijiet li saru s-Sibt li għadda.
Il-Perit Micallef tenna kif dejjem tkellem dwar it-tiġdid li hemm bżonn. Ħaġa li anke għamel aċċenn dwarha fl-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista li sar it-Tnejn filgħaxija.
Fil-kitba tiegħu qal kif informa lill-Prim Ministru stess li l-poplu bagħat numru ta’ messaġġi bil-voti tas-Sibt li għadda, liema messaġġi issa jridu jiġu mifhuma u jittieħdu d-deċiżjonijiet neċessarji.
Filwaqt li rringrazzja lill-mijiet ta’ voluntieri, li diġà jaħdmu għall-Partit, ħeġġeġ lil oħrajn biex jingħaqdu magħhom ħalli l-Gvern Laburista jibqa’ jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Micallef temm jgħid li hu kommess li jibqa’ jgħin lill-Partit kif jista’ u kull fejn jista’.
Il-Perit Micallef kien ġie elett uffiċjalment bħala Deputat Mexxej f’Lulju tal-2020, fejn kiseb l-appoġġ ta’ 98% tal-voti mixħuta.
F’kummenti li kien ta dakinhar, wara li ġie elett, Micallef tkellem dwar l-għaqda u l-ħidma kollettiva, filwaqt li kien qed iħares ’il quddiem biex il-Partit Laburista jkompli jiġġedded, isaħħaħ il-kunċett ta’ moviment u jsaħħaħ il-futur tal-pajjiż.
Sentejn wara, il-Partit Laburista taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela rebaħ b’maġġoranza storika l-elezzjoni ġenerali.
Sadanittant, it-Tlieta filgħaxija Daniel Micallef ġie intervistat fuq istazzjon ONE mill-preżentatriċi Claudia Cuschieri, fejn tenna kif hu se jibqa’ dejjem ta’ spalla għall-Prim Ministru biex il-bidliet neċessarji jseħħu dejjem.
“Trabbejt fil-Partit Laburista, kbirt fil-Partit Laburista, qiegħed fil-Partit Laburista u j’Alla nixjieħ fil-Partit Laburista. Jiġifieri mhix kwistjoni li dalgħodu mort ippakkjajt il-bagalji u tlaqt ’il barra, assolutament mhux il-każ… Jiena bil-kariga, u mhux bil-kariga, nixtieq li nibqa’ nkun ta’ spalla għalih biex dawn il-bidliet iseħħu… Ejjew kunu attivi intom ukoll fil-Partit Laburista. Għax il-bidla li tixtieq tara tista’ tadvoka għaliha b’mod attiv inti wkoll u fil-Partit hemm l-ispazju biex isir dan.”
Daniel Micallef tenna kif il-Partit Laburista jrid jibqa’ jisma’ l-messaġġi tan-nies, jagħrbilhom u, imbagħad, bħalma dejjem għamel, jieħu deċiżjoni fuqhom.
“Il-Partit Laburista kien katalista biex mexxa s-soċjetà ’l quddiem u b’mod differenti mill-2013 ’il quddiem, imma l-aspirazzjonijiet tan-nies, imbagħad, komplew jevolvu u aħna rridu nilqgħu għal dawk l-aspirazzjonijiet, anzi nkunu pass ’il quddiem milli nistennew dik l-evoluzzjoni, li nibqgħu l-Partit li nipproġettaw viżjoni għall-futur, Partit li n-nies jirrelataw ma’ fejn nixtiequ nieħdu l-pajjiż.”