Stħarriġ globali dwar il-parteċipazzjoni tan-nisa fuq il-post tax-xogħol, juri li pajjiżna jikklassifika mal-aqwa għaxar pajjiżi minn fost il-membri tal-Unjoni Ewropea f’dan ir-rigward.
Il-klassifika miġbura mis-sit internazzjonali Our World in Data hi bbażata fuq l-istimi tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, l-ILO, u mill-Bank Dinji, is-sena li għaddiet.
B’57% tan-nisa Maltin u Għawdxin li jinsabu fid-dinja tax-xogħol, pajjiżna għandu id-disa’ l-akbar rata minn fost l-istati kollha fl-Unjoni Ewropea.
Grazzi għal miżuri, bħaċ-childcare centres b’xejn u l-In-Work Benefit, eluf kbar ta’ nisa f’pajjiżna daħlu fid-dinja tax-xogħol fl-aħħar ħdax-il sena.
Our World in Data tisħaq li l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol tikkontribwixxi għal aktar tkabbir ekonomiku u fil-produttività, anke għax dawn ukoll jifformaw, bejn wieħed u ieħor, nofs il-popolazzjoni dinjija.
Fuq livell globali, Malta tokkupa l-erbgħa u sittin (64) post minn mija u ħamsa u tmenin (185) pajjiż.
Fl-istess klassifika, il-Madagaskar, il-Burundi u l-Mozambique għandhom fost l-ogħla rati ta’ parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, waqt li, fuq in-naħa l-oħra tal-lista, l-Afganistan u l-Jemen għandhom l-inqas rati.