Il-Ħadd tard filgħaxija saru magħrufa s-sitt Membri Parlamentari Ewropew f’isem Malta. Alex Agius Saliba, Daniel Attard u Thomas Bajada ġew eletti f’isem il-Partit Laburista.
Fl-ewwel għadd, kif mistenni ġiet eletta l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, li fl-ewwel għadd ġabet rekord ta’ 87,473 vot.
Hi ġabet l-akbar ammont ta’ voti li qatt ġab kandidat fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u f’din l-elezzjoni ġabet tmenin fil-mija tal-voti lill-Partit Nazzjonalista.
Fl-ewwel għadd ukoll ġie elett Alex Agius Saliba, bi 63,899.
Agius Saliba, li għandu 36 sena, serva diġà bħala Membru Parlamentari Ewropew fl-aħħar leġiżlatura fejn kien ukoll Viċi President tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi Ewropej.
Hu speċjalizza fil-liġi Ewropea fl-Università ta’ Malta u serva fir-rwol ta’ President taż-Żgħażagħ Laburisti.
Fl-ewwel kummenti tiegħu, appena ġie elett, Agius Saliba radd ħajr lil dawk kollha li wrew fiduċja fil-ħidma li wettaq fl-aħħar ħames snin.
“Inkomplu naħdmu flimkien, katina waħda dejjem, bl-istess għajta, bl-istess skop, bl-istess għan, li nġibu l-interessi ta’ pajjiżna l-ewwel u qabel kollox. Nagħmlu minn kollox biex nirrappreżentaw fl-aħħar mill-aħħar lill-Maltin u lill-Għawdxin, bl-aqwa mod possibli fuq livell Ewropew. Però hi fiduċja li ċċekkinni ħafna u jagħtina ħafna enerġija biex naħdem iktar.”
Alex Agius Saliba
Sussegwentement, fil-35 għadd, wara li waqa’ l-kandidat indipendenti Arnold Cassola, telgħu Peter Agius għall-Partit Nazzjonalista bi 38,236 vot u David Casa għall-Partit Nazzjonalista b’37,623 vot.
Fis-37 għadd, tela’ l-Avukat Daniel Attard, b’total ta’ 34,764 vot.
Attard, li għandu 32 sena, iggradwa mill-Università ta’ Malta bħala Avukat fl-2017 u serva wkoll bħala Sindku tal-Imtarfa bejn l-2013 u l-2021.
Tard il-Ħadd filgħaxija, wara ġurnata twila, Attard tkellem ukoll ma’ ONE News mis-Sala tal-Għadd tal-Voti. Hu appella biex ir-rappreżentanti kollha jaħdmu għall-ġid ta’ pajjiżna.
“Il-ħidma ma tibdiex għada, il-ħidma tibda llejla biex insarrfu l-fiduċja tan-nies f’riżultati għal Malta tagħna, biex insarrfu l-fiduċja tan-nies għall-Maltin u l-Għawdxin kollha u biex inkabbru dik il-fiduċja. Għandna responsabbiltà fuq spallitna biex il-fiduċja tan-nies insarrfuha lura f’ħidma li tmur b’risq mhux il-Laburisti u n-Nazzjonalisti imma b’risq il-Maltin u l-Għawdxin kollha.“
Daniel Attard
Fl-istess għadd tal-voti, ftit wara ġie elett iż-żagħżugħ Għawdxi Thomas Bajada, b’total ta’ 25,047 vot.
Bajada għandu tletin sena u hu professjonist żagħżugħ iddedikat bi sfond varjat li jinkludi l-politika tas-sajd, il-governanza internazzjonali tal-oċeani, il-liġi tal-Unjoni Ewropea u dik internazzjonali.
Fil-kummenti, min-naħa tiegħu, tenna li fl-istituzzjoni Ewropea hu se jaħdem biex il-liġijiet Ewropej ma jimpattawx ħażin fuq pajjiżna u l-poplu tiegħu.
“Jiena b’umiltà nilqa’ l-fiduċja tal-poplu Malti u Għawdxi però dik se nsarrafha f’ħafna ħidma li se tkun iċċentrata fuq ir-realtà li l-Unjoni Ewropea għandha tara li r-realtajiet u l-liġijiet li jsiru jkunu speċifikament jolqtu lil Malta u Għawdex tagħna.”
Thomas Bajada
AQRA AKTAR: