“Wera l-fiduċja li għandu fil-Partit Laburista, reġa’ wera kif il-Partit Laburista jsib is-soluzzjonijiet għall-isfidi internazzjonali madwar id-dinja għall-isfidi lokali. Ukoll hija rebħa soda li tirrikonoxxi wkoll li l-poplu Malti u Għawdxi fehem il-ħidma li wettaq il-Gvern. Pero ngħid ukoll li joħroġ messaġġ ukoll li għalih se nirreaġixxi għar-riżultat b’aktar ħidma minn għada stess, b’ħafna aktar impenn, b’ħafna aktar dedikazzjoni, b’ħafna aktar umiltà, b’ħafna aktar subgħajja fuq il-polz tal-poplu, b’ħafna aktar saqajna mal-art, b’ħidma assoluta. Se nagħti ħajti u saħħti kollha biex nibqa’ nagħti s-servizz li hu mistenni li nagħti jiena u t-tim immexxi minni lill-poplu Malti u Għawdxi.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dan kien il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela, meta kien qed jagħti l-ewwel kummenti tiegħu lill-midja wara li tħabbar li l-Partit Laburista kien rebaħ l-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Hu sostna li, f’nofs leġiżlatura, dan hu messaġġ ta’ fiduċja fil-Gvern. Dr Abela kompla li l-ħidma mill-Gvern fl-aħħar xhur saret fi żminijiet ta’ sfidi internazzjonali u se jibqa’ jindirizza l-isfidi tan-nies.
Kien għall-ħabta tan-nofs siegħa ta’ waranofsinhar tal-Ħadd x’ħin il-Prim Ministru u Mexxej Laburista żar is-Sala tal-Għadd tal-Voti fin-Naxxar, fejn iltaqa’ mal-aġenti tal-Partit u n-nies li kien hemm.