Matul il-lejl li għadda, raġel ta’ 52 sena residenti Ħ’Attard,kien arrestat waqt serqa f’binja fin-Naxxar. Kienu għall-ħabta tal-għaxra u nofs ta’ filgħaxija meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm persuna suspettuża li dehret tidħol f’binja fi Triq San Ġorġ, Naxxar.
Għaldaqstant il-pulizija marru mill-ewwel fuq il-post u kif waslu ġie nnutat li ġewwa kien hemm id-dawl mixgħul. Malli identifikaw ruħhom bħala pulizija, il-persuna li kienet ġewwa tfiet id-dawl u ftit wara nstema’ ħoss ta’ ħġieġ jinkiser.
Kif raw hekk, il-Pulizija innutaw persuna taħrab minn tieqa li kellha l-ħġieġ imkisser għat-triq ta’ wara u titlaq tiġri. Il-Pulizija minnufih bdew jiġru warajh sakemm irnexxielhom iżommuh u jarrestawh. Ir-raġel ittieħed l-Għassa tal-Pulizija fejn mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li fl-aħħar jiem huwa allegatament kien wettaq mill-inqas 12-il serqa oħra.
Huwa qiegħed jinżamm arrestat fil-lock-up tal-Pulizija l-Furjana u mistennija jitressaq il-Qorti s-Sibt, għall-ħabta tal-ħdax ta’ filgħodu quddiem il-Maġistrat Dr Monica Vella.