Mill-Ħamis sal-Ħadd għaddejjin l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew madwar is-sebgħa u għoxrin Stat membru tal-Unjoni Ewropea biex jeleġġu seba’ mija u għoxrin siġġu fil-Parlament Ewropew.
F’Malta, eliġibbli li jivvotaw hawn ftit aktar minn tliet mija u sebgħin elf persuna. B’aktar minn ħamsa u għoxrin elf u seba’ mitt persuna se jivvotaw għall-ewwel darba.
Malta, bħala l-iżgħar Stat membru għandha sitt siġġijiet fil-Parlament Ewropew, hekk kif huwa l-minimu li pajjiż jista’ jkollu, kif indikat mit-Trattat tal-Unjoni Ewropea.
Sadanittant, il-Ħamis saru l-elezzjonijiet Ewropej fl-Olanda u l-Ġimgħa fl-Irlanda.
Flimkien ma’ Malta, fil-jum tas-Sibt se jivvotaw ukoll iċ-ċittadini fil-Latvja u fl-Islovakkja. Fir-Repubblika Ċeka u fl-Italja, l-elezzjoni se ssir fuq jumejn, bejn is-Sibt u l-Ħadd.
Il-Ħadd imbagħad, l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew se jsiru f’għoxrin pajjiż Ewropew. Fost oħrajn, f’pajjiżi kbar bħall-Ġermanja, Franza u Spanja.
Minn ċifri tal-Unjoni Ewropea, l-aktar pajjiż li fih hemm eliġibbli persuni biex jivvotaw huwa l-Ġermanja, fejn hemm aktar minn ħamsa u sittin miljun persuna. Bħala l-akbar stat membru fl-Unjoni Ewropea, il-Ġermanja trid teleġġi sitta u disgħin Membru Parlamentari Ewropew. Dan hu l-ammont massimu ta’ kemm wieħed jista’ jkollu Ewroparlamentari skont it-Trattat tal-Unjoni Ewropea.
Dan filwaqt li fi Franza hemm kważi wieħed u ħamsin miljun persuna eliġibbli biex jivvotaw. Hawnhekk se jiġu eletti wieħed u tmenin Membru Parlament Ewropew.
It-tielet l-akbar pajjiż li fih hemm eliġibbli biex jivvotaw hu l-Italja, b’aktar minn sebgħa u erbgħin miljun persuna. Hawnhekk se jiġu eletti sitta u sebgħin Membru Parlamentari Ewropew.