L-aġenzija tal-istatistika tal-Unjoni Ewropa, il-Eurostat, ikkonfermat, permezz ta’ stqarrija, il-fatt li, fl-ewwel kwart ta’ din is-sena, Malta kellha l-akbar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea.
Fil-fatt l-attività ekonomika lokali, bejn Jannar u Marzu li għaddew, kienet 1.3% akbar minn dik tal-aħħar tliet xhur tas-sena li għaddiet. B’kuntrast, madwar l-Unjoni Ewropa r-rata ta’ tkabbir kienet ta’ 0.3% biss.
Meta wieħed iqabbel l-attività ekonomika f’pajjiżna mal-istess perjodu sena qabel, ir-rata ta’ tkabbir hi ta’ 4.6%. Madwar iż-Żona Ewro, il-medja tat-tkabbir kienet ta’ 0.4% biss.
Dan ifisser ukoll li l-ekonomija Maltija kibret b’rata li hi tnax-il darba aktar minn dik tal-bqija tal-unjoni monetarja.
F’seba’ pajjiżi, inkluż fil-Ġermanja u l-Olanda, l-ekonomija naqset meta mqabbla ma’ sena qabel. L-agħar riżultati ekonomiċi huma fl-Irlanda fejn kien hemm tnaqqis ta’ 5.9%.
Fejn jidħlu l-impjiegi, il-Eurostat innota li dawn kibru b’5.8% f’pajjiżna, meta mqabbel mal-istess tliet xhur tal-2023.
Fiż-Żona Ewro, iż-żieda fl-impjiegi kienet ta’ 1% jew kważi sitt darbiet inqas minn dik f’pajjiżna. L-impjiegi f’ħames pajjiżi Ewropej huma inqas milli kienu sena ilu, bl-agħar riżultat ikun fl-Estonja fejn kien hemm waqgħa ta’ 1.3%.