Stqarrija tal-Eurostat indikat li, matul April, il-bejgħ mill-ħwienet madwar l-Unjoni Ewropea naqas b’0.1% meta mqabbel ma’ sena qabel. Fost dawn kien hemm tnaqqis f’għaxar pajjiżi fl-Ewropa, fosthom il-Ġermanja, fejn il-konsum naqas b’0.8%, waqt li fl-Italja it-tnaqqis kien ta’ 1.2%.
Bil-maqlub, f’Malta kien hemm żieda relatata ta’ 2.5%.
Filwaqt li madwar l-Ewropa l-livell ta’ bejgħ mill-ħwienet għadu inqas minn dak osservat fl-2021, f’Malta l-livell hu 14% akbar. Din hi l-akbar żieda osservata fost il-pajjiżi taż-Żona Ewro.
Għaxar pajjiżi Ewropej mank għadhom irkupraw fil-bejgħ mill-ħwienet biex laħqu l-livell ta’ qabel il-pandemija.
Minkejja li l-konsum tal-familji f’pajjiżna qed jiżdied, ċifri tal-Bank Ċentrali wkoll jindikaw li, f’April, id-depożiti fil-banek lokali qabżu s-sbatax punt tnejn biljun ewro, li hi figura rekord.
Dan ifisser li l-familji Maltin u Għawdxin irdoppjaw l-ammont ta’ depożiti bankarji tagħhom fl-aħħar snin, bl-aħħar sena waħedha tirreġistra żieda ta’ kważi sitt mija u għaxar miljun ewro.