Fil-votazzjoni tal-Parlament Ewropew li saret il-Ħamis 6 ta’ Ġunju fl-isptarijiet Mater Dei, Karin Grech, Monte Carmeli u fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, ivvutaw ftit aktar minn sebgħa u sittin fil-mija tal-persuni eleġibbli. Għal dawn l-elezzjonijiet kien hemm elf, mitejn u disgħa u sebgħin votanti rreġistrati, li minnhom, tmien mija u disgħa u ħamsin ezerċitaw id-dritt tal-vot.
Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Kummissjoni Elettorali, li tat ukoll aġġornament dwar il-votazzjoni għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali li saret fl-istess sptarijiet.
Għall-Kunsilli Lokali, ivvutaw ftit aktar minn ħamsa u sittin fil-mija ta’ dawk eleġibbli. Fil-fatt kien hemm elf, tliet mija u erbgħin persuna eleġibbli, li minnhom, tmien mija u tnejn u tmenin ezerċitaw id-dritt tal-vot.
Dawn ma kinux l-ewwel votazzjonijiet, hekk kif is-Sibt li għadda, l-ewwel ta’ Ġunju, saret il-votazzjoni bikrija għal dawk li se jkunu msefrin jew rikoverati fi sptar matul tmiem din il-ġimgħa. Dakinhar saret ukoll il-votazzjoni fir-Residenza San Vinċenz De Paul u f’erbgħa u tletin dar tal-anzjani oħra.
F’din il-votazzjoni bikrija vvutaw tmienja u tmenin fil-mija ta’ dawk li rreġistraw biex jivutaw ġimgħa qabel l-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju.
Fil-votazzjoni għall-Parlament Ewropew tas-Sibt l-ewwel ta’ Ġunju vvutaw erbatax-il elf u wieħed u erbgħin persuna minn total ta’ ħmistax-il elf, disa’ mija u disa u sebgħin persuna reġistrati.
Dan filwaqt li fl-istess jum ivvutaw erbatax-il elf, mija u tlieta u sittin persuna minn total ta’ sittax il-elf, mija u ħamsa u tletin eleġibbli li jivvutaw fl-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali.
Intant, matul din il-ġimgħa vvutaw ukoll il-membri tal-Korp tal-Pulizija u l-Assistenti Kummissarji Elettorali li s-Sibt 8 ta’ Ġunju se jkunu xogħol.