Inżamm arrestat David Brincat, iż-żagħżugħ Vendriż ta’ 18-il sena, li tressaq il-Qorti akkużat fost l-oħrajn li poġġa splussiv quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
Fil-Qorti, l-Avukati Difensuri immedjatament talbu sabiex jinħatru xi psikjatri sabiex jiġi identifikat dak meqjus l-istat ta’ ġenn tal-akkużat waqt li għamel dawn ir-reati li qed ikun mixli bihom. Talba li sabet l-oġġezzjoni tal-prosekuzzjoni u ġiet miċħuda mill-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Gianella Camilleri Busuttil.
Fl-awla tard il-Ħamis filgħaxija, ġie spjegat kif iż-żagħżugħ allegatament poġġa l-isplussiv quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, fejn wara telaq jiġri lejn il-Ħamrun.
Meta l-Pulizija kellmet lill-ġenituri ta’ Brincat, dawn indikaw li seta’ kien qiegħed f’garaxx f’Santa Venera, fejn eventwalment ġie arrestat. Kif anke kien żvela dan l-istazzjon, l-investigaturi waqt it-tfixxijiet sabu l-isplussiv fuq iż-żagħżugħ u aktar wara sabu aktar minn dan il-materjal tat-tip TATP fil-garaxx stess.
Kien hawn li l-akkużat talab biex imur f’Ċentru tas-Saħħa biex jingħata l-kura. Minn hemm ġie riferut għall-Isptar Mater Dei imbgħad għal Isptar Mone Karmeli fejn inżamm sal-Erbgħa.
Fil-Qorti ħareġ ukoll kif rapporti oħra li daħlu għand il-Pulizija indikaw li l-istess żagħżugħ allegatament ħalla splussiv quddiem żewġ spiżeriji, f’Birkirkara u Santa Venera stess.
L-Ispettur Prosekutur qal li filwaqt li l-imputat għal bidu beda jikkopera, dan sar aggressiv meta ttieħed għall-kura, b’imġiema allegatament vjolenti lejn l-uffiċjali tal-Pulizija u t-tobba u infermiera.
Il-Qorti appellat lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sabiex jiżgura l-għajnuna medika kollha lill-akkużat u tenniet li f’dan l-istadju ma tistax tordna li l-akkużat jittieħed fl-Isptar Monte Karmeli.
Il-Maġistrat Gianella Camilleri Busuttil, ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittmi.