Bil-fiduċja mġedda nhar is-Sibt li ġej fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali, il-Gvern Laburista se jkompli jaħdem b’umiltà favur il-poplu Malti u Għawdxi.
Dan kien il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela, fl-aħħar attività tal-kampanja elettorali bit-tema ‘Is-Saħħa lill-Maltin’ fl-MFCC f’Ta’ Qali.
Hawnhekk Dr Abela semma ħemel ta’ miżuri li wettaq il-Partit Laburista mill-Gvern, fl-aħħar snin. Fost dawn hemm pensjonijiet b’saħħithom, pagi aqwa u kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema u l-akbar proġetti ambjentali ta’ kull żmien.
“Bħala partit fil-Gvern għandna bżonn nirbħu dawn l-elezzjonijiet, b’sinjal ta’ fiduċja b’saħħtu. Biex tagħtu sinjal ċar u b’saħħtu li dan il-programm triduh jitwettaq. Xejn ma jista’ jittieħed for granted. Tinsewx li kull darba li ġejna biex ngħinukom, sibnihom – kontra f’Malta, anke barra minn Malta. Dik hi s-saħħa li għandkom f’idejkom. Li tieqfulhom! Għalhekk nemmen bis-sħiħ illi s-Sibt li ġej dan il-programm għandkom terġgħu tagħtuh it-timbru tagħkom. L-ebda survey ma jgħodd. L-elezzjoni tibda xejn b’xejn. U t-timbru ta’ fiduċja lil min irid iwettaq aktar, tridu tagħtuh bil-vot b’saħħtu tagħkom. Mhux għax kollox perfett. Mela ma kellniex għawġ. Mela ma kellniex mumenti ta’ dispjaċir u diffiċli. Mumenti fejn stajna għamilna aħjar, jien l-ewwel wieħed. U fejn ħassejt dan, iva, urejt li jisgħobbija, u li lest li naħdem aktar biex inkunu aħjar. Mhux illum ta, lejliet il-vot.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Quddiem folla ta’ eluf ta’ partitarji, f’din l-akbar attività tal-kampanja elettorali, il-Mexxej Laburista għamel dawn il-mistoqsijiet importanti lejliet l-elezzjonijiet tas-Sibt li ġej.
“Intom tridu tibdew treġġgħu l-arloġġ lura? Jew tridu tkomplu timxu miegħi bis-saħħa ’l quddiem? Jien nagħtikom il-kelma tiegħi, li rebħa għalina tkun tfisser rebħa għalikom. Il-fiduċja tagħkom jien inwiegħed li nwieġeb għaliha b’aktar umiltà. Inwieġeb iżda b’aktar saħħa biex inwettqu x-xewqat tagħkom. Agħżlu mela li żżommu s-saħħa f’idejkom!”
Il-Prim Ministru Robert Abela
F’dan id-diskors, il-Prim Ministru tkellem kif hu, fil-fora internazzjonali, bħall-Kunsill Ewropew, dejjem iġib lil Malta l-ewwel u qabel kollox.
“Fi ftit jiem oħra, immur Brussell għall-Kunsill Ewropew. U kull meta mmur għal dan il-Kunsill Ewropew tant importanti li nġib quddiem għajnejja huwa lilkom. Hemm ukoll għandi bżonn is-saħħa tagħkom. Biex meta niġġieled biex inżommu l-għajnuna fil-prezz tal-enerġija, meta nargumenta dwar id-dritt li pajjiż gżira bħal tagħna jingħata attenzjoni partikolari, meta nippromwovi s-sovranità u n-newtralità ta’ pajjiżna, irrid immur hemm bikom b’saħħitkom warajja! Ngħidilhom, din hi l-pożizzjoni ta’ Malta. Il-pożizzjoni b’saħħitha tal-poplu Għawdxi u Malti.”
Il-Prim Ministru Robert Abela