“Is-Saħħa f’idejkom – Għandna pajjiż magħqud li jagħti s-Saħħa lill-Maltin”. Iddikjara dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela quddiem folla kbira ta’ nies li, fl-aħħar jum tal-kampanja elettorali, inġabru fl-MFCC f’Ta’ Qali għall-avveniment ‘Together in Concert’.
F’diskors pożittiv ta’ Mexxej b’viżjoni, Robert Abela beda billi għamel aċċenn fuq l-importanza tal-għaqda li twassal għas-Saħħa lill-Maltin.
“Għax ebda sfida mhi akbar minn familja magħquda. U bl-istess mod ebda sfida mhi akbar minn pajjiż magħqud. Għalhekk, bl-istess prinċipji, imbagħad jiena nmexxi lil dan il-pajjiż. U, bl-istess prinċipji, jien dħalt għalihom f’din il-kampanja elettorali. ‘Is-Saħħa lill-Maltin’”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Kif għamel fl-aħħar ġimgħat tal-kampanja elettorali, il-Prim Ministru kompla jwassal il-messaġġ Laburista fost il-komunitajiet Maltin u Għawdxin. Messaġġ konsistenti, pożittiv u ottimist, li jieħu lil pajjiżna għal futur sabiħ u, fuq kollox, messaġġ fi spirtu ta’ Tim Malta.
“Intom lesti biex tkomplu tiddeċiedu dwar il-futur ta’ dan il-pajjiż? Intom lesti biex tkomplu tiddeċiedu favur uliedkom? Intom lesti biex tkomplu tiddeċiedu favur il-familji tagħkom? Iżda, fuq kollox, intom lesti biex tkomplu tgħinuna nikkonvinċu aktar nies? Iva, is-Sibt huwa jum mill-aktar importanti. Il-jum li fih għandkom għażla. Il-jum li fih se tieħdu deċiżjoni kruċjali u li matulu tridu tagħtu sinjal. Sinjal jekk tridux iġġeddu l-fiduċja fija. Sinjal jekk tridux iġġeddu l-ispirtu ta’ Tim Malta.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Fost l-entużjażmu tan-nies, Robert Abela tenna kif hu dejjem emmen f’Malta u dejjem emmen fin-nies u, għalhekk, mindu ingħata l-fiduċja tal-elettorat, ma waqafx jaħdem biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja tagħhom.
Fi kliemu dan seta’ jseħħ biss bis-saħħa tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.
“Ġejt hawn u wegħedtkom pensjonijiet ogħla – hekk qed nagħmlu bis-saħħa tagħkom. Ġejt hawn u wegħedtkom drittijiet ċivili aqwa – hekk qed nagħmlu bis-saħħa tagħkom. Ġejt hawn u wegħedtkom spazji miftuħa ġodda, u hekk qed nagħmlu bis-saħħa tagħkom. Ġejt hawn u wegħedtkom aktar appoġġ għall-familji, u hekk qed nagħmlu bis-saħħa tagħkom. Ġejt hawn u wegħedtkom garanzija għat-tfal, u hekk qed nagħmlu bis-saħħa tagħkom.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Ma naqasx li, hawnhekk, isemmi l-ħemel ta’ miżuri li ġew implimentati fil-ġimgħat, xhur u snin li għaddew, fl-istess waqt li qed jitwettaq dak li n-nies għażlu għalih.
Robert Abela temm id-diskors b’saħħtu tiegħu, bil-ħalfa ta’ Gvern li jibqa’ jagħti s-saħħa lill-Għawdxin u lill-Maltin kollha.
“Nhar is-Sibt li ġej, jien nixtieq, nixtieq ħafna, ħafna, li nkompli naħdem għal dan il-pajjiż bis-saħħa tagħkom warajja. Kif għamilt fl-aħħar snin ta’ sfida, kif għamilt fl-aħħar xhur, kif għamilt ukoll fl-aħħar ġimgħat, naħdmu għall-pajjiż fejn irridu li jirbaħ il-progress, mhux il-populiżmu; l-għaqda u mhux il-firda; l-għajnuna u mhux l-awsterità; il-bidla u mhux l-istaġnar. Baqgħalna ħafna x’niksbu flimkien, ‘Malta Flimkien’, jien, il-Gvern li mmexxi, id-disa’ kandidati għall-Parlament Ewropew, it-tliet mija wieħed u tmenin kandidat għall-Kunsilli Lokali. Kollha kemm aħna lesti għall-ħidma. Kunu mill-ġdid magħna! Kunu mill-ġdid miegħi! Ejja nħobbu lil pajjiżna! Inħobbu lil xulxin! U ejja nuru wkoll li jinteressana minn pajjiżna! Is-saħħa liż-żgħażagħ, is-saħħa lill-istudenti, is-saħħa lill-familji, is-saħħa lill-pensjonanti, is-saħħa lill-middle-class, is-saħħa lis-self-employed, is-saħħa lin-negozji, is-saħħa lill-ħaddiem, is-saħħa lill-Għawdxin, is-saħħa lill-Maltin, is-saħħa f’idejkom.”
Il-Prim Ministru Robert Abela