Waqt intervista waħedha, minflok dibattiti, kif rajniha tul din il-kampanja kollha, il-President tal-Parlament Ewropew u kandidata Nazzjonalista Roberta Metsola lanqas għandha idea tal-pjan nazzjonali dwar l-ilma.
B’investiment ta’ tliet mija u għaxar miljun ewro (€310 miljun), dan il-pjan tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, li tħabbar lill-midja kollha f’Jannar li għadda, għandu saħansitra l-barka tal-Kummissjoni Ewropea li se tkun qed tikkofinanzjah.
Minkejja dan, Metsola żelqet fin-niexef meta, f’diskussjoni ma’ Jon Mallia, qalet li f’pajjiżna m’għandniex pjan tal-ilma.
“M’għandniex pjan tal-ilma. We don’t have a national water plan. U hemm pressure li għandha ssir u aħna ningħaqdu magħha. Li aħna, aktar ma nimxu f’dawn iż-żminijiet, fejn it-tibdil fil-klima qed jiġri b’mod iżjed mgħaġġel, li aħna lanqas nibdew naħsbu fuq kif nistgħu niggarantixxu dan li jien insejjaħlu dritt bażiku.”
Ħames xhur ilu, tali pjan kien irrapportat fil-midja kollha lokali, bil-Ministru responsabbli, Miriam Dalli, u l-Kap Eżekuttiv tal-Water Services Corporation, Karl Cilia, jagħtu d-dettalji dwaru u kif dan jinvolvi l-akbar investiment fl-infrastruttura tal-ilma fl-istorja ta’ pajjiżna.
Hawn ġie spjegat kif l-għan ta’ dan il-pjan hu li jkompli jiġi offrut l-aqwa servizz lill-konsumaturi, waqt li jindirizza sfidi bħall-iskarsezza tal-ilma, it-tibdil fil-klima u l-ħtieġa li d-drenaġġ jiġi mmaniġġjat b’mod effiċjenti.
Kompletament bil-maqlub ta’ dak li pprovat tagħti l-impressjoni dwaru l-President tal-Parlament Ewropew.
Dwar dan tlabna l-kummenti tal-Kap Eżekuttiv innifsu, li spjegajlna kif se jkun qed isir dan il-pjan mill-aktar holistiku u dettaljat.
“Dan il-pjan ġie wkoll mgħoddi lill-Kummissjoni tal-Ewropa, fejn anke s-sena ta’ qabel rajna lill-Kummissarju Elisa Ferreira fejn propju ġiet f’Malta u approvat dan il-proġett. Tajjeb li ngħidu li dan il-pjan se jkun qed jiswa lill-Korporazzjoni €310 miljun għall-għaxar snin li ġejjin, li minnhom €126 miljun huma fondi tal-Ewropa. Dawn huma flus investiti għal lista ta’ proġetti sħaħ biex ovvjament aħna niżguraw li l-pajjiż dejjem ikollu r-riżorsi meħtieġa biex naqdu lill-klijenti tagħna bl-aktar mod effiċjenti u effettiv possibbli.”
Uħud mill-miżuri li se jittieħdu, bħala parti minn dan il-pjan, hemm mal-100 kilometru ta’ titjib fin-network; rinnovar tal-ġibjuni u r-reverse osmosis nazzjonali; tagħmir ġdid fl-impjanti għat-trattament tad-drenaġġ; u żieda fil-produzzjoni tan-network tan-New Water.
Minbarra hekk, hemm ukoll investiment qawwi ieħor favur l-ilma tal-pjan, li jmur id f’id ma’ Green Paper li tnediet aktar qabel.