Wara kummenti mhux informati, li ttellgħu fuq il-mezzi soċjali, il-Partit Nazzjonalista pprova jxewwex u jbeżża’ kontra ħidma li qiegħda ssir minn Infrastructure Malta fil-parti magħrufa bħala l-‘Fossa’ fil-Belt Valletta biex jissewwew ħsarat fil-breakwater fil-Port il-Kbir.
Fil-fatt, Infrastructure Malta qed tħejji passaġġ temporanju biex ikunu jistgħu jgħaddu l-inġenji għall-parti li mhix aċċessibbli għall-vetturi, billi b’mod temporanju u konformi mal-ħarsien ta’ dan il-wirt nazzjonali. Dan qed isir fuq struttura apposta, li tkun tista’ terġa’ titneħħa u ma tagħmel l-ebda ħsara lill-blat naturali.
Iżda esponenti tal-PN, partikolarment il-kandidata Ylenia Montfort, li wkoll qed taspira li tkun is-Sindku tal-kapitali, saħansitra ddikjarat li l-Kunsill Laburista se jibdel iż-żona taħt is-swar ta’ Forti Sant’Iermu f’xi parkeġġ.
Infrastrucure Malta stess qalet li l-blat se jiġi protett b’materjal bħal plastik, waqt li għamlitha ċara li l-interventi, kemm fuq il-mogħdija temporanja kif ukoll fuq il-breakwater, qed isiru wara li method statement ġie maqbul mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi u s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali.
Il-proġett ta’ tiswija fuq il-breakwater qed isiru wara li rriżulta li numru ta’ ġebel kbir inqalgħu mill-ġenb tal-istruttura.
F’kummenti li għadda, is-Sindku Alfred Zammit qal li mhu se ssir l-ebda ħsara, kif ikkonfermawlu l-awtoritajiet u, wara x-xogħlijiet neċessarji, kollox jerġa’ jiġi kollox għan-normal.