“L-interessi tal-Maltin u l-Għawdxin jiġu l-ewwel u qabel kollox.” Dan kien il-messaġġ li għadda d-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Daniel Micallef, waqt l-attività politika f’Raħal Ġdid.
Il-Perit Micallef appella biex, sal-aħħar minuta, naħdmu biex kulħadd jiġbor il-vot tiegħu u joħroġ jivvota nhar is-Sibt li ġej. Waqt li ħaddieħor hu mhedi fi gwerra qaddisa, il-Partit Laburista hu mhedi biex jaħdem favur kulħadd.
Hawnhekk staqsa dawn il-mistoqsijiet.
“U fi Brussel lil min trid jiddefendi l-interessi ta’ pajjiżek? Lil Roberta Metsola, David Casa u l-bravi ta’ madwarhom, jew lil Tim Malta, it-tim formidabbli li għandna hawn? Tim Malta, li jġib lil pajjiżna l-ewwel u qabel kollox? U ejja nkunu ċari. X’messaġġ trid tibgħat dwar it-tmexxija tal-pajjiż? Lil min trid fit-tmun ta’ Kastilja? Lil Bernard Grech jew lil Robert Abela?”
Id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, Daniel Micallef
Il-President tal-Partit Laburista, Ramona Attard, li wkoll tkellmet fl-istess attività, sostniet li, minkejja l-provokazzjoni, il-Partit Laburista baqa’ jgħaddi l-messaġġ tiegħu b’mod pożittiv. Tkellmet dwar l-aspirazzjonijiet li jħares lejhom il-Partit Laburista, b’miżuri li saru minn Gvern Laburista, fosthom it-tisħiħ tal-IVF u l-miżura New Hope.
Dr Attard innotat il-falzità tal-Partit Nazzjonalista u l-establishment fi ħdanu dwar temi u dan wieħed jista’ jiġġielidlu bl-arma tal-vot nhar is-Sibt li ġej.
Hi sostniet kif l-għaqda hi ċ-ċavetta tas-suċċess u vot b’saħħtu lill-Partit Laburista u l-Prim Ministru Robert Abela hu importanti biex pajjiżna jkun miexi ’l quddiem.
“Is-sabiħ tal-politika mhuwiex li ningħalqu fina nfusna, iżda li nbiddlu l-ħajja tan-nies, inbiddlu lil pajjiżna. Ma nkunux suppervi. Hawn min qed jgħidilna stennejt aħjar mingħandkom, stennejt aktar minn għandkom. Ma nharrsux in-naħa l-oħra lejn dawn in-nies, anzi jiena u sħabi ngħidulkom: Iva se nkunu aktar u aħjar għalikom. Saħħuna bil-vot tagħkom fit-tmienja ta’ Ġunju.”
Il-President tal-Partit Laburista, Ramona Attard