Nhar is-Sibt li ġej il-poplu irid jagħmel għażla lil min irridu li jirrappreżentana fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill tal-lokal tagħna. Il-poplu irid jagħmel għażla dwar il-futur li jixtieq għal Malta. Għażla bejn dawk li ġenwinament jaħdmu għall-pajjiż, u dawk li joffru biss gwerer u moħħhom biss biex jirbħu ftit punti politiċi u ma jinteressahom xejn jekk ikissrux l-għixien tal-ħaddiema u l-familji Maltin.
Il-kandidat Laburista għall-Parlament Ewropew Jesmond Marshall iwiegħed li l-ewwel interess tiegħu huwa l-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu u se jaħdem għal futur aħjar għal kulħadd billi tingħata prijorità lill-bżonnijiet u l-aspirazzjonijiet tan-nies. Tenna li flimkien, tista ssir id-differenza pożittiva u b’hekk tinbena soċjetà aktar ġusta u soda.
Marshall li għal dawn l-aħħar disa’ snin serva bħala Segretarju Metall u Kostruzzjoni tal-General Workers’ Union, kien ta għajnuna għal kulħadd mingħajr ma qatt ħares lejn it-twemmin politiku ta’ dak li jkun. Huwa jwiegħed li se jibqa jkun hemm għas-servizz tal-ħaddiema. L-impenn tiegħu dejjem kien għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi u se jibqa’ dejjem ikun ta’ prijorità. Ix-xogħol tiegħu dejjem kien u se jibqa’ ddedikat biex jagħti l-aħjar servizz lil min ikollu bżonn.