B’investiment ta’ €20 miljun, il-ġimgħa d-dieħla se jinħarġu tliet pagamenti, li minnhom se jgawdu mat-62,000 familja. Dawn huma ċ-Children’s Allowance, l-Allowance għal Tfal b’Diżabilità u l-Allowance Supplimentari. Dawn huma primarjament familji li għandhom tfal taħt is-16-il sena, tfal b’diżabilità u dawk bi dħul baxx, inklużi persuni single jew koppji.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet, li ġiet indirizzata mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon.
Is-Segretarju Permanenti fl-istess Ministeru, Mark Musù, spjega li l-Allowances għat-Tfal se jirċievuh kważi 42,000 familja, bl-għadd ta’ tfal li jaqbeż aktar minn 62,000. Dan qed isir b’investiment ta’ erbatax-il miljun u nofs ewro.
Mill-Allowance għat-Tfal b’Diżabiltà se jgawdu elfejn, mitejn u ħamsa u erbgħin familja. Dawn huma intitolati għal €30 fil-ġimgħa, kważi d-doppju ta’ għaxar snin ilu, f’investiment li jlaħħaq il-kważi miljun ewro.
Dwar l-Allowance Supplimentari, Musù spjega kif tali għajnuna tingħata lil dawk li għandhom dħul baxx u ma jirċevux Children’s Allowance. Dan se jsir b’investiment ta’ kważi erba’ miljun ewro u se jgawdu ftit aktar minn 20,000 benefiċċjarju. Dawn igawdu wkoll minn benefiċċji oħrajn, fosthom dak tal-benefiċċju addizzjonali tal-għoli tal-ħajja.
Musù spjega kif kien hemm żieda qawwi fl-investiment, fost oħrajn, biż-żieda ta’ €250 għal kull wild fiċ-Children’s Allowance.
Qal, “Fl-aħħar snin rajna li tnaqqsu l-Allowance Supplimentari. Dawk li jieħdu l-Allowance Supplimentari, dawn naqqsu, waħda minħabba li żdied sostanzjalment id-dħul tal-familji Maltin u Għawdxin, u anke minħabba li naqset id-dipendenza soċjali. U allura għandek inqas nies li jiddependu fuq dawn it-tip ta’ għajnuniet, bħala parti mill-għajxien tagħhom. Min-naħa l-oħra, minkejja dan, xorta komplejna nżiduh dan il-benefiċċju biex ikun ta’ għajnuna għal min verament għandu bżonnu.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Michael Falzon sostna kif dawn il-pagamenti jsiru kull sena u jkunu skedati. Qal kif dan hu investiment fis-soċjetà tagħna.
Qal, “Dawn huma benefiċċji non-kontributorji. Benefiċċji, biex ngħid hekk, ma jkunx ħallas jew ikkontribwixxa għalihom. Juri impenn soċjali qawwi ta’ din l-amministrazzjoni, impenn li dejjem kien hemm, li nkunu hemm għal kulħadd. Imma mbagħad impenn ieħor li nkunu hemm għal dawk l-aktar fil-bżonn.”