Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura r-riġenerazzjoni tal-Pjazza tal-Mosta fejn qal li l-proġett ambizzjuż li sar u proġetti oħrajn anċillari, li twettqu, jibqa’ jkollhom l-għan prinċipali favur il-ġid tal-komunità.
Dan il-proġett sar b’mod ewlieni minn Infrastructure Malta, bl-għajnuna fost oħrajn tal-Awtorità tat-Turiżmu u l-Awtorità tal-Ippjanar, u kien jinkludi pavimentar, sistema tal-ġbir tal-ilma tax-xita u rinnovar ta’ bankini f’parti minn Triq il-Kostituzzjoni, b’materjal tal-qawwi. Sar ukoll wiċċ t’asfalt u l-pjazza ngħatat aktar lin-nies.
Waqt din l-inawgurazzjoni, Dr Abela fisser il-kuraġġ tal-Kunsill ta’ din il-lokalità li daħal għal dan il-proġett. Intqal li l-Gvern irid ikollu l-kuraġġ li jġib l-bidla fl-istess ħin li jisma’ lill-komunità u dan għadu jibqa’ jsir dwar sfidi oħrajn, fosthom dwar l-immaniġġjar u l-isfida tat-traffiku. B’dawn għandhom ikunu ta’ prijorità għall-Kunsill il-ġdid tal-Mosta.
Il-Prim Ministru sostna li, bit-tlestija ta’ dan il-proġett, qed jingħata nifs kbir fejn jistgħu jinħolqu soluzzjonijiet ġodda, b’dan għandu jsir minn Kunsill Lokali ġdid. Dr Abela sostna li l-Kunsill Lokali se jsib l-appoġġ tal-Gvern.
Innota wkoll kif dan il-proġett se jkun ikkumplimentat bil-proġett ambizzjuż ta’ Project Green, għal spazju aħdar u miftuħ ftit passi ’l bogħod mill-pjazza.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru responsabbli mill-Infrastruttura, Chris Bonett, spjega kif dan it-tisħiħ se jħalli impatt pożittiv fuq il-ħajja ta’ kuljum tar-residenti u dak li sar fil-Mosta jingħaqad ma’ bosta xogħlijiet oħrajn, li għaddejjin f’diversi pjazez.
Is-Sindku tal-Mosta, Chris Grech, qal li l-proġett indirizza t-traffiku li kien jgħaddi, is-sistema ta’ parkeġġ u tniġġis fl-arja li kien litteralment joħnoq din il-pjazza mit-Tnejn sal-Ħadd.