Fi ftehim iffirmat minn Wirt Għawdex u mill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, il-kuntratti ta’ Wirt Għawdex għall-immaniġjar ta’ ħames siti storiċi ġew imġeddin għal għaxar snin.
Dawn il-ħames siti storiċi huma: il-Kappella ta’ Santa Ċeċilja, Dar il-Gvernatur, it-Torri ta’ Mġarr ix-Xini, u żewġ siti storiċi fiċ-Ċitadella – ix-xeltrijiet tat-Tieni Gwerra Dinija, u s-Silos flimkien mal-Polverista.
Wirt Għawdex tnisslet fil-bidu tas-sebgħinijiet bl-isem ‘Il-Belt il-Qadima’, u l-ewwel proġetti tagħha kienu r-restawr tal-Kappella ta’ San Ġużepp fiċ-Ċittadella, it-tindif tal-arloġġ il-qadim fiċ-Ċittadella, is-swar, il-kanuni u l-ħabs il-qadim. Illum, b’dan it-tiġdid, Wirt Għawdex se tkompli tieħu ħsieb dawn is-siti — irwol ċentrali għall-għan tal-Għaqda li tħares il-patrimonju naturali, arkeoloġiku, storiku, u antropoloġiku tal-Gżejjer ta’ Għawdex u Kemmuna.