F’Pembroke, ġie inawgurat ċentru xjentifiku ieħor li se jkun iddedikat għax-Xjenza, it-Teknoloġija, l-Inġinerija u l-Matematika, suġġetti importanti li flimkien huma magħrufin bħala STEM, kif ukoll għal korsijiet tal-VET, li jinkludu l-Arti u d-Dama, id-Design & Technology, Computing, Storja, Studji Soċjali u aktar.
Dan iċ-ċentru, li ħa madwar tliet xhur ta’ ħidma kontinwa mill-ħaddiema fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni stess, se jkun qed joffri kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema li jaħdmu fih kif ukoll se jkun possibbli biex isir taħriġ b’rabta ma’ dawn is-suġġetti u korsijiet relatati.
Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru, Matthew Vella, spjega kif, permezz ta’ dan l-investiment, l-edukaturi se jkollhom post lil hinn minn sempliċiment uffiċini biss, iżda se jinkludi fih żoni ta’ taħriġ għal dawn is-suġġetti speċifiċi.
Qal, “Permezz ta’ dan l-investiment se naraw kif l-edukaturi tagħna, li jaħdmu fis-setturi kemm tal-iSTEM u tal-VET, se jkollhom post fejn jistgħu jiltaqgħu u jingħataw it-taħriġ. Din il-binja issa ttrasformat ruħha permezz tal-ħidma tal-ħaddiema tal-id mill-istess Ministeru. Hawnhekk mhux biss ikunu uffiċini, iżda post ta’ taħriġ fejn qed naraw li l-area tal-iSTEM u l-VET ikunu aktar integrati biex, fl-aħħar mill-aħħar, l-istudenti tagħna jkunu qed jirċievu edukazzjoni aktar ta’ kwalità.”
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, irringrazzja lill-ħaddiema fi ħdan il-Ministeru u żied jgħid li din il-binja timxi mal-pjan strateġiku edukattiv li għandu pajjiżna għall-ġejjieni.
Qal, “Illum qegħdin naraw proprju dan ir-rikonoxximent fejn qegħdin naraw ir-riżultat ta’ dawn il-ħaddiema, ħaddiema manwali li għamlu biċċa xogħol kbira ħafna, li lestew binja li tagħti dinjità lill-edukaturi li jaħdmu fiha, u anke, din il-binja timxi paripassu ma’ dik li hija l-viżjoni tagħna fis-settur tal-edukazzjoni.”