Ġew inawgurati uffiċini ġodda tal-Awtorità tad-Djar f’Għawdex bil-għan li tkun tista’ tilħaq aktar nies bl-akbar kumdità. Fost is-servizzi li se jkunu offruti minn dawn l-uffiċini hemm assistenza lill-Għawdxin fil-bżonnijiet relatati mas-settur tal-kera u l-imrewħa ta’ skemi li tamministra l-istess awtorità.
Dawn l-uffiċini ġew inawgurati mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, flimkien mal-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri.
Il-Ministru Galdes qal li l-Gvern fl-aħħar snin ra kif jitwessa’ r-rwol tal-Awtorità tad-Djar biex jintlaħqu aktar nies u jkun hemm differenza pożittiva akbar f’ħajjithom.
Qal, “Għaxar snin ilu kellna madwar ħames skemi li kienu jiġu offruti mill-Housing Authority, illum għandna iżjed minn 18-il skema li tiġi offruta. Illum fil-gżira Għawdxija qed naraw influss ta’ appartamenti tal-housing u għandna madwar 1,400 persuna li qed jużaw l-uffiċini tal-Housing fil-gżira Għawdxija.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Camilleri qal li, permezz tal-uffiċini l-ġodda, li huma f’post aktar ċentrali u aċċessibbli, il-klijent mhux biss se jkun moqdi aħjar, iżda l-istess uffiċjali se joperaw minn spazju aħjar, bil-klijent ikun fiċ-ċentru tas-servizzi offruti.
Qal, “Illum ftaħna uffiċini ġodda biex inkunu nistgħu nagħtu servizz aħjar lill-familji li jkollhom bżonn numru ta’ skemi li jiġu offruti minn hawn, fejn jidħlu sussidji tal-kera u aktar skemi u postijiet tal-Gvern li jingħataw għal każijiet soċjali.”
Sadanittant, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Matthew Zerafa, qal li dan l-uffiċċju ġdid hu pass ieħor ’il quddiem fir-riforma li qegħdin iwettqu fl-Awtorità tad-Djar u l-impenn tagħha biex joffru servizz ta’ kwalità lill-Għawdxin.
Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Emanuel Psaila, u d-Direttur Ġenerali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, Joyce Farrugia.