Tlieta u ħamsin suldat issieħbu għall-ewwel darba mal-Forzi Armati ta’ Malta wara ċerimonja li matulha ħadu l-ġurament ta’ lealtà waqt parata ta’ inawgurazzjoni.
Dawn is-suldati l-ġodda komplew isaħħu r-rizors uman tal-Armata wara li, daqs sena ilu, issieħbu wkoll tmenin suldat ieħor. Fi stqarrija ġie spjegat li l-Forzi Armati jiftħu l-bibien tagħhom għar-reklutaġġ darba f’sena u matul il-kors ta’ dsatax-il ġimgħa, ir-rekluti jgħaddu minn taħriġ, kemm fiżiku kif ukoll militari.
F’diskors waqt iċ-ċerimonja, magħrufa bħala ‘Passing Out Parade’, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, għamel referenza għall-valuri li għandhom jiggwidaw suldat, kif ukoll talabhom biex jaqdu dmirhom b’unur, b’rispett u b’lealtà lejn il-pajjiż u ċ-ċittadini.
Huwa qal kif il-Gvern sostna lill-Forzi Armati mhux biss b’għodod ġodda u moderni biex jaħdmu, iżda wkoll saħħaħ il-kundizzjonijiet tas-suldati.
Qal, “Ilqajna 53 suldat ġdid fil-FAM, tlabthom biex jaqdu dmirhom bl-akbar unur, però se jissieħbu f’Armata li hi differenti minn snin ilu fejn hemm impenn ċar u kontinwu biex inkomplu ntejbu l-kundizzjonijiet tagħhom.”
Min-naħa tiegħu, il-Kmandant tal-Forzi Armati, il-Brigadier Clifton O’Neill, qal li, għalkemm dawn il-membri għadhom kif lestew it-taħriġ tagħhom fil-verità dan hu l-bidu ta’ ħafna aktar u hu biss pedament li fuqu għandhom jibnu karriera militari twila u ta’ suċċess.
Qal, “Ir-reklutaġġ għall-Forzi Armati ta’ Malta hi importanti, għax għandna demm ġdid u tiġdid.”
Waqt iċ-ċerimonja, is-suldat Darko Sujan ingħata l-premju tal-Aħjar Rekluta tal-kors.
Qal, “Jien dejjem kont bit-tir li nilħaq suldat biex inservi lil Malta u ċ-ċittadin.”
Preżenti wkoll għaċ-ċerimonja kien hemm is-Segretarju Permanenti Joyce Dimech.