Ġiet uffiċjalment irtirata l-applikazzjoni biex jinbena mpjant tat-tarmak fl-Imqabba, ħames mitt metru biss lil hinn mid-djar tar-residenti. L-applikazzjoni ġiet irtirata permezz ta’ ittra iffirmata mill-perit tal-proġett lill-Awtorità tal-Ippjannar.
Dan seħħ wara li, ftit aktar minn ġimagħtejn ilu fiż-Żurrieq, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li dan l-impjant propost fil-limiti tal-Imqabba ma kienx se jsir.
“Ma nistgħux naċċettaw aħna li din l-industrija tat-tarmak u l-asfalt tersaq aktar viċin ir-residenti, minn fejn tinsab illum. Anzi llum niġi quddiemkom u nista’ nħabbar b’mod ċar li l-impjant tat-tarmak u tal-asfalt ġdid, li kien se jsir fl-Imqabba, mhux se jsir.”
Fl-istess attività politika, il-Prim Ministru kien spjega kif Gvern Laburista għaddej b’ħidma biex għalaq u qed jagħlaq impjanti li ħallew impatt negattiv fuq in-nies.
Hu fakkar kif Gvern Nazzjonalista, fl-2006, espona art verġni daqs is-Siġġiewi kollu għall-izvilupp u għalhekk spjega kif il-Gvern illum ma jistax jieħu lura drittijiet li ngħataw lin-nies.